Hu surreali kif, mill-ewwel stqarrija tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà lill-mezzi tax-xandir fil-25 ta’ Frar li għadda – li nsterqu 226 kilogramma droga minn quddiem l-Ispecial Operations Unit fi ħdan il-bażi tal-Forzi Armati ta’ Malta – illum, wara 14-il ġurnata, inbidlet il-verżjoni u l-esperti forensiċi fil-Qorti xehdu li nsterqu 132 kilogramma ta’ droga.
Hekk sostna Darren Carabott ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, fi stqarrija fejn spjega kif kellhom jgħaddu ġimagħtejn biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinduna li hemm differenza fl-ammont ta’ droga misruqa, hekk kif minn dak li qal il-Kummissarju għal dak li xehdu l-esperti, hemm differenza ta’ 94 kilogramma droga.
Ir-responsabbiltà politika għal dan kollu taqa’ fuq spallejn il-Ministru Byron Camilleri, li Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi, f’sinjal ieħor ta’ Gvern li falla, anke fis-sigurtà.
Il-Partit Nazzjonalista jitlob għal trasparenza sħiħa u rendikont ċar lill-pubbliku. F’ġieħ ir-reputazzjoni tal-uffiċjali kollha tal-Korp tal-Pulizija, hemm bżonn li l-Kummissarju tal-Pulizija jispjega ruħu dwar kif u għaliex saret din il-bidla fil-verżjoni, kif ukoll għaliex stennew ġimagħtejn biex spjegaw din il-bidla fil-verżjoni. Din l-ispjegazzjoni għandha tingħata immedjatament u ma tħalli l-ebda dubju.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob ukoll spjegazzjoni ta’ x’passi amministrattivi se jittieħdu.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll kif għadha ma nstabitx id-droga kollha li nsterqet. Madankollu, l-argument jibqa’ wieħed marbut man-nuqqas ta’ sigurtà nazzjonali, b’fatt ieħor li ħareġ illum huwa li min seraq id-droga għamel madwar sagħtejn f’din il-bażi militari u baqa’ ma nqabadx.
Huwa inkwetanti wkoll li l-ordni li l-Qrati tal-Ġustizzja taw fl-20 ta’ Ġunju 2024 biex id-droga tinqered ma ġietx segwita, allegatament minħabba ħsara fl-inċineratur, bid-droga tispiċċa tinsteraq minn wieħed mill-aktar postijiet sikuri f’Malta tmien xhur wara.
Dan ifisser li jekk wieħed ikollu jaċċetta din l-iskuża tal-ħsara tal-inċineratur, xorta għaddew tmien xhur biex laħqet insterqet id-droga, u l-ħsara fl-inċineratur baqgħet hemm u ma nstabet ebda soluzzjoni oħra. Tajjeb li wieħed jistaqsi wkoll x’sar mill-bqija tad-droga li ġiet ordnata biex tinqered f’każijiet oħra minn dakinhar li waqaf jaħdem l-inċineratur?
Aktar ma joħorġu fatti dwar dan il-każ, aktar qed tinħass il-ħtieġa li pajjiżna jimxi ’l quddiem u tintrefa’ r-responsabbiltà politika mill-Ministru Byron Camilleri.
Illum kienet ġurnata oħra li ħammret wiċċ il-Gvern ta’ Robert Abela, li qed iġorr il-mażżra ma’ għonqu tan-nuqqasijiet tal-Ministru Byron Camilleri.
//= $special ?>