L-elezzjonijiet kollha tal-passat li saru fit-territorju ta’ Greenland rari qanqlu interess ‘il hinn mir-reġjun tal-Artiku u d-Danimarka….Madankollu, il-votazzjoni li qed issir bħalissa għar-residenti fit-territorju awtonomu għandha tħalli implikazzjonijiet kbar għar-reġjun u anki minn element ġeopolitiku.
Fil-fatt, il-vot qed jitqies bħala determinanti għall-futur ta’ Greenland meta l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed ikompli juri interess kbir li t-territorju ‘isir tal-Amerikani b’xi mod jew ieħor’.
L-ossessjoni ta’ Trump dwar Greenland u l-elezzjonijiet tallum komplew iżidu d-dubji dwar ir-relazzjonijiet futuri tat-territorju mad-Danimarka.
Dan meta Greenland ilu kontrollat mid-Daniżi għal madwar 300 sena u bl-awtoritajiet lokali qed jieħdu ħsieb l-affarijiet domestiċi fit-territorju….Sitwazzjoni li tirrikjedi wkoll biex id-deċiżjonijiet dwar il-politika barranija u d-difiża ta’ Greenland jittieħdu proprju mit-Tmexxija f’Kopenhagen.
B’hekk, it-territorju ta’ Greenland qatt ma kien daqstant taħt il-lenti minn aspett internazzjonali — b’ħamsa fost is-sitt partiti li qed jikkuntestaw għall-voti tar-residenti jiffavorixxu l-indipendenza mid-Danimarka….Issue li saret dejjem aktar urġenti minħabba l-attenzjoni ta’ Trump fir-rigward tat-territorju.
Il-President Trump hu interessat ħafna fil-lokalità strateġika ta’ Greenland kif ukoll fir-riżorsi minerali li jistgħu jkunu elevati mit-territorju…Fil-fatt, hu, fl-2019, kien esprima għall-ewwel darba l-idea li ‘jixtri t-territorju sħiħ ta’ Greenland’…Xewqa li saret pubblika fi żmien l-ewwel mandat ta’ Trump bħala President Amerikan.
U waqt li l-Mexxejja fi Greenland u d-Danimarka ma jridux jikkunsidraw il-possibbiltà li t-territorju jispiċċa kontrollat mill-Amerikani, Donald Trump qed jinsisti li Greenland hu meħtieġ għas-sigurtà tal-Istati Uniti u li ‘l-Amerikani se jieħduh bis-sewwa jew bid-dnewwa’.
Il-politiċi fi Greenland, min-naħa tagħhom, huma urtati bl-atteġġjament ta’ Trump fost il-messaġġi li r-residenti fit-territorju ‘ħaqqhom ikunu trattat b’rispett akbar min-naħa tal-Istati Uniti’.
Madankollu, l-interess qawwi tal-Amerikani fi Greenland qed jistimola lill-moviment lokali li jrid separazzjoni sħiħa mid-Danimarka. Fil-fatt, ħafna mid-diskorsi politiċi qabel l-elezzjoni trattaw iż-żmien, u mhux jekk, għandux jibda l-proċess għall-indipendenza ta’ Greenland.
Il-votazzjoni fi Greenland tagħlaq ftit qabel nofs-il lejl, bl-ewwel exit polls se joħorġu ftit wara.
//= $special ?>