Dan hu Gvern li għax ma jippjanax jispiċċa jbażwar. Dan hu Gvern li għax ma jippjanax jispiċċa jmexxi b’politika ta’ management by crisis. Dan hu Gvern li jagħlaq għajnejh u jsodd widnejh meta jkun hemm min jgħidlu li għandu problema.
Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn fakkar li hu ilu s-snin iwissi lill-Gvern li s-sistema tad-drenaġġ qed tfalli, u wara li l-Gvern baqa’ jsodd widnejh, issa għax qala’ twissija mill-Ewropa dwar it-tniġġis li qed joħloq hu stess irid jara kif se jsolvi din il-problema.
Biex jagħmel dan, il-Gvern jidher lest li jieħu art saqwija lill-bdiewa, ironikament biex ikun jista’ jagħtihom l-ilma biex isaqqu.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li kull bidwi għandu jkollu aċċess għan-New Water. Madankollu m’għandhomx ikunu l-bdiewa stess il-ħrief tas-sagrifiċċju hekk kif il-Gvern irid jeħdilhom art fil-Qammieħ biex jagħmel dan.
L-espansjoni proposta għall-impjant tat-trattament tad-drenagġ fil-Qammieħ se tieħu art agrikola f’żona li hija Natura 2000, li tinsab f’wied naturali, u li mhux biss hija riżorsa agrikola iżda wkoll parti mill-wirt naturali tagħna.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-iżvilupp infrastrutturali huwa kruċjali fid-dawl taż-żieda fil-popolazzjoni, dan għandu jsir b’rispett lejn l-ambjent u l-komunitajiet li jgħixu u jaħdmu f’dawn l-inħawi. Aktar minn kollox dan għandu jsir f’waqtu u bi ppjanar, u mhux f’paniku u ġenn.
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk sarux studji sabiex naraw x’alternattivi li jistgħu jiġu kkunsidrati li ma jeħtiġux li l-bdiewa jitilfu l-art tagħhom, u jinsisti li l-istudji kollha għandhom isiru b’mod xieraq u trasparenti biex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jġibu ħsara permanenti lill-ambjent u lis-settur agrikolu.
Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’kuntatt kontinwu mal-bdiewa tal-Qammieħ li naturalment huma mħassba ferm dwar dan l-iżvilupp. Il-PN jiddikjara b’mod ċar li mhu se jħalli lil ħadd waħdu. Se nkomplu nsostnu li dan il-proċess għandu jkun trasparenti u li l-interessi tal-bdiewa u tal-ambjent għandhom jiġu mħarsa.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li qabel ma jingħata permess għal dan il-proġett, ikunu kkunsidrati l-alternattivi kollha u jinsisti wkoll li l-istudji meħtieġa għandhom jiġu ppubblikati b’mod ċar u pubbliku.
Il-poplu għandu d-dritt li jkun jaf kif qed jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar proġetti bħal dawn, speċjalment dawk li għandhom impatt dirett fuq l-ambjent, is-settur agrikolu, u l-futur tal-pajjiż tagħna.
Huwa l-obbligu tal-Gvern li jipproteġi s-settur agrikolu tagħna u li jipproċedi b’kull żvilupp b’serjetà, trasparenza u b’ħarsien tal-ambjent.
Huwa wkoll l-obbligu tal-Gvern li jsolvi l-problemi li ħoloq hu stess mingħajr ma jisraq ħobż il-bidwi u frott artna.
//= $special ?>