Lokali Unjoni Ewropea

“Iggranfajt” ma’ dak li nnegozja Gvern Nazzjonalista

F’Malta qal li se jsabbat saqajh. Iżda fi Brussell għamel eżattament bħall-bqija tal-mexxejja Ewropej.

Dan irriżulta ċar mid-diskors li għamel Robert Abela t-Tnejn fil-Parlament, fejn hu stess ikkonferma li appoġġja l-pjan Ewropew biex ikun hemm aktar investiment fid-difiża u s-sigurtà tal-kontinent; meta sa ftit tal-mumenti qabel kien qed ibeżża’ li dan huwa investiment fl-armamenti.

Meta għamel l-istqarrija ministerjali tiegħu, Robert Abela tant ftaħar li hu appoġġja dan il-pjan, li spiċċa saħansitra jgħid li bbaża l-vot tiegħu fuq il-klawsola tan-newtralità li kien innegozja b’suċċess Gvern Nazzjonalista qabel ma sseħibna fl-UE – klawsola li tant kienet importanti li l-Prim Ministru spiċċa ggranfa magħha.

Fi kliem sempliċi, il-pożizzjoni ta’ Malta kienet kollha kemm hi bbażata fuq kisba li kien ġab b’mod għaqli Gvern Nazzjonalista, u li tiggarantixxi l-pożizzjoni unika ta’ pajjiżna.