Lokali Saħħa

Il-Gvern ikompli jfalli lill-poplu Malti fis-saħħa; issa qed jgħidulna li fadal kważi sena oħra biex jiftaħ il-Paola Hub

Prime Minister Robert Abela visits the Paola Medical Hub
Suppost ilu miftuħ ħames snin; Robert Abela u Jo Etienne Abela jibqgħu jgħaddu ż-żmien bil-poplu dwar is-saħħa.

Il-Gvern qed ikompli jfalli lill-poplu Malti fis-saħħa.

Xhieda oħra ta’ dan hu dak li qed jiġri biċ-Ċentru tas-Saħħa Vincent Moran f’Raħal Ġdid, fejn issa għandna data ġdida oħra meta suppost se jinfetaħ. Issa qed jgħidulna li fadallu kważi sena oħra biex jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pazjenti.

Il-Paola Hub ġie approvat lura fl-2017 u fl-2020 kellu jilqa’ 600,000 persuna.

Meta raw li d-deadline tal-2020 kien se jkun impossibbli li jilħquh, bdew jinbidlu d-dati. Fl-2021 qalulna li l-Hub tan-Nofsinhar kien se jibda jopera f’April tal-2022 imma f’Novembru tal-2022 qalulna li kien se jiftaħ f’Mejju tal-2023.

Sitt xhur wara, qalulna li dan kien se jiftaħ f’Marzu tal-2024, u qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda rajna l-istunt ta’ Robert Abela u Jo Etienne Abela li stiednu lill-midja u quddiem il-cameras taw l-impressjoni li kien fadal biss tfarfira qabel dan il-hub jiftaħ għall-pubbliku. Kif għaddiet l-elezzjoni qalulna li kien jonqos biss iċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċentru jiftaħ. Imma f’Jannar ħarġet l-aħbar li ngħata direct order ieħor ta’ €1.7 miljun għal dan il-hub, waqt li fi Frar sirna nafu li għad iridu jintefqu €10 miljun oħra biex il-hub ikun jista’ jitlesta.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo qalu li issa l-Gvern qed jgħid li rridu nistennew sal-aħħar tas-sena biex jiftaħ dan il-hub.

Kważi sena oħra stennija. Kważi sena oħra tbatija għall-pazjenti. Kważi sena oħra fejn flusna ntefqu imma s-servizz mhux neħduh.

Il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern ixammar il-kmiem u jara li jagħmel minn kollox biex dan iċ-ċentru jiftaħ u jibda jopera llum qabel għada. Il-poplu azzjoni jrid, mhux ippużar għall-cameras. Il-poplu jixraqlu aħjar.