L-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, tat dimostrazzjonijiet oħra tal-kapaċitajiet militari tagħha b’attakk preċiż bid-drones fuq il-madwar ta’ Moska, il-kapitali tar-Russja….Azzjoni li fiha nqatlu u ndarbu numru ta’ nies
L-attakk bid-drones kien l-akbar wieħed fuq il-kapitali Russa għal dawn it-tlett snin ta’ gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja – u bl-azzjoni qed tkun anki kunsidrata bħala messaġġ li ‘l-Ukrajna għad għandha s-snien x’turi f’dan il-konflitt’.
Intant, l-attakk fuq Moska sar sigħat qabel it-taħditiet tallum fl-Arabja Sawdija, bejn ir-Rappreżentanti Ukreni u r-Rappreżentanti tal-Istati Uniti li ddiskutew l-aħjar mezzi ‘il quddiem għat-tmiem tal-gwerra li ilha minn Frar tal-2022.
Id-drones tal-Ukreni laqtu l-ibliet ta’ Vidnoye and Domodedovo, fil-periferiji tal-kapitali Russa u fejn numru ta’ bini ġarrbu l-ħsarat sinifikanti. Saru wkoll l-evakwazzjonijiet miz-zoni li sfaw mira tal-Ukreni, bis-Sindku ta’ Moska, Sergei, Sobyanin, itenni li l-qawwiet tad-difiża Russi rnexxielhom iwaqqgħu tal-anqas 70 drone immirati lejn iċ-ċentru tal-kapitali.
Is-Sindku ta’ Moska wkoll ikkonferma li l-attakk kien l-akbar wieħed s’issa ‘indirizzat lejn il-kapitali’ u fost indikazzjonijiet li r-Russi jinsabu sorpriżi bil-kapaċità tal-Ukreni li jolqtu l-miri daqstant ‘il ġewwa fir-Russja.
Fl-aħħar sigħat, intant. id-difiżi tar-Russi qalu li waqqgħu ‘il fuq minn 100 drone immirati lejn ir-reġjun ta’ Moska, bi kważi 340 drones oħrajn tal-Ukreni jitwaqqgħu f’ għaxar reġjuni oħra fir-Russja.
Intant, l-azzjonijiet ħasdu bil-kbir lir-Russi u meta fil-pront ħarġu direttivi biex ma jaħdmux aktar titjiriet minn erba’ ajruporti ta’ Moska kif ukoll minn żewġ ajruporti oħrajn lejn il-lvant tal-kapitali. Il-miżura kellha tkun temporanja u fost rapporti li xi ajruporti bdew diġà xi servizzi ristretti.
Madankollu, hemm anki direttivi biex jieqaf it-traffiku mill-istazzjon ta’ Domodedovo li hu fost l-akbar terminals tal-ferrovija fir-Russja.
Sadanittant, fl-aħħar sigħat, il-Gvernaturti ta’ Ryazan, lejn ix-xlokk ta’ Moska u ta’ Belgorod, viċin il-fruntiera mal-Ukrajna, ukoll qalu li r-reġjuni rispettivi spiċċaw mira tad-drones sparati mill-Ukreni u bir-riżulutat li nqata’ d-dawl għal diversi zoni.
Attakki wkoll fuq l-Ukrajna…
Il-qawwiet Russi wkoll wettqu l-attakki ġodda fuq l-Ukrajna, fost rapporti dwar mejtin u midruba fl-ibliet ta’ Pokrovsk u Kostyantynivka. Kien hemm anki attakk bid-drones fuq il-belt ta’ Kherson u fost rapporti li xi djar fir-reġjun ta’ Sumy (fl-Ukrajna) wkoll intlaqtu bid-drones tal-Kremlin.
Attakk partikulari tar-Russi kien immirat għall-inħawi ta’ Odesa u bir-riżultat li d-drones ikkaġunaw in-nirien f’xi bini residenzjali kif ukoll f’maħżen — bi drone minnhom anki jeqred fuel tank fil-viċinanzi..
Madankollu, id-difiżi tal-Ukreni rnexxielhom iwaqqgħu l-għexieren tad-drones u anki numru ta’missili qabel dawn setgħu jolqtu lill-kapitali Kiev u reġjoni oħrajn tal-Ukrajna.
L-Ukrajna, illum, qed ikollha tiġġieled kontra r-Russja fi żvantaġġ wara li l-Istati Uniti waqqfet l-appoġġ militari lill-Ukreni u bl-Amerikani lanqas ma jkomplu jaqsmu l-informazzjoni sigrieta mal-Ukreni biex tal-aħħar jippreparaw aħjar id-difiżi – u l-ħteġiet loġistiċi – għal kontra l-attakki kontinwi mill-qawwiet Russi.
//= $special ?>