Lokali

Is-Sindku tal-Belt iqis ir-rapportaġġ tat-Times bħala “very amateurish u Daily Mirror style”

Quddiem is-sitwazzjoni serja li investigat it-Times of Malta fl-aħħar jiem b’rabta mal-użu tal-kokaina fl-istabbilimenti tad-divertiment u anke fit-toroq tal-Belt Kapitali, l-unika reazzjoni tas-Sindku tal-Belt kienet li r-rapportaġġ tat-Times kien sempliċiment tad-dilettanti – qisu bħad-Daily Mirror.

F’telefonata li prova jagħmel Net News mas-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay irrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet tagħna dwar l-abbuż rampanti ta’ droga kokaina fl-istabbilimenti tad-divertiment fil-Belt Valletta. U minflok talabna biex nibagħtu email bil-mistoqsijiet tagħna.

Fil-fatt, mistoqsi jekk hux inkwetat dwar din is-sitwazzjoni serja żvelata mit-Times, huwa weġibna billi qal li kienu “very amateurish u Daily Mirror style”.

Imbagħad, is-Sindku farfar minn kull responsabbiltà u qalilna biex nibagħtulu email. Net News għamel eżatt kif xtaq is-Sindku, u bgħattna email bil-mistoqsijiet.

Aktar tard mal-ġurnata, Olaf McKay wieġeb biss billi qal li fil-kariga tiegħu ta’ Sindku xogħlu huwa li jara li jinstab bilanċ bejn l-attività kummerċjali u l-ħtiġijiet tar-residenti. Dan filwaqt li tenna li hu m’għandux il-poter ta’ nfurzar. Bis-Sindku jfarfar fuq il-Korp tal-Pulizija.

Olaf McKay ma weġibx jekk ir-residenti hux qed ikellmuh fuq din il-problema serja. Ma weġibx lanqas jekk hu personali hux inkwetat bil-kriżi tal-abbuż tad-droga jew jekk hux se jagħmel pressjoni akbar fuq l-awtoritajiet.