“Il-konnettività ma’Għawdex mhix biss hi kwistjoni nazzjonali iżda sfida Ewropea. Irridu niżguraw li Għawdex jikseb il-finanzjament Ewropew li jistħoqqlu biex ntejbu t-trasport u ngħinu iktar l-iżvilupp ekonomiku. Il-Kummissjoni Ewropea hi interessata fil-proposti tagħna, u issa jiddependi minna li nsaffru l-opportunitajiet fi proġetti fattibbli li jgawdu minnhom l-Għawdxin.”
Hekk qal l-MEP Peter Agius (EPP,MT) wara laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Sostenibbli u t-Turiżmu, Apostolos Tzitzikostas, li matulha ddiskutew kif Malta tista’ tuża fondi tal-UE għall-konnettività u l-infrastruttura ta’ Għawdex.
Din il-laqgħa saret qabel Konferenza Nazzjonali dwar il-Konnettività ta’ Għawdex, organizzata mill-MEP Peter Agius, li se ssir nhar is-Sibt, 15 ta’ Marzu 2025, fl-10:00am fil-Kempinski Hotel, f’San Lawrenz, Għawdex. Il-konferenza, bit-tema “Vapuri Ġodda għal Għawdex – X’tista’ tagħmel l-Ewropa? X’irridu nagħmlu aħna?”, se tlaqqa’ flimkien policy makers, esperti u dawk kollha interessati fis-suġġett biex jiddiskutu soluzzjonijiet kif se ntejbu t-traġitti bejn Għawdex u Malta. Il-konferenza se titratta r-rwol ewlieni tal-finanzjament tal-UE fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-gżira.
Matul il-laqgħa mal-Kummissarju Tzitzikostas, l-MEP Agius enfasizza l-impenn tiegħu li jqiegħed lil Għawdex fuq nett tal-aġenda Parlamentari tiegħu, wegħda li kien għamel qabel l-elezzjonijiet Ewropej. Huwa saħaq li l-aċċessibbiltà aħjar għal Għawdex hija kruċjali għat-tkabbir ekonomiku, it-turiżmu, il-ħolqien tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.
Agius iddiskuta r-rapport tekniku li ppubblika f’Novembru li għadda li diġà identifika opportunitajiet ta’ finanzjament mill-UE kif jistgħu jiġu ffinanzjati vapuri ġodda għal Għawdex. Ir-rapport għid li hemm strumenti finanzjarji ewlenin tal-UE, inkluż il-Connecting Europe Facility (CEF) u l-Fondi ta’ Koeżjoni, li jistgħu jintużaw biex jiġi żviluppat trasport marittimu modern, sostenibbli u affidabbli għall-bżonnijiet ta’ Għawdex.
Il-Kummissarju Tzitzikostas laqa’ l-inizjattiva ta’ Agius u qal li l-Kummissjoni Ewropea hija impenjata tappoġġja tisħiħ tal-konnettività reġjonali u anke tiżgura li komunitajiet insulari bħall-Għawdxin jibbenefikaw bis-sħiħ mill-mekkaniżmi ta’ investiment tal-UE. Huwa rrikonoxxa l-importanza ta’ soluzzjonijiet ta’ trasport sostenibbli u ħeġġeġ lill-awtoritajiet Maltin biex jieħdu vantaġġ massimu mill-programmi Ewropej disponibbli.
L-MEP Agius semma wkoll ir-regolament Ewropew dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u bi ftit karbonju fit-trasport marittimu. Huwa speċifika li l-eżenzjonijiet temporanji mhumiex biżżejjed; hemm bżonn soluzzjonijiet fit-tul biex jiġi żgurat traġitti effiċjenti b’bastimenti li ma jniġġsux u sostenibbli.
Agius qal li Għawdex irid trasport sostenibbli fit-tul u li ma jkunx ta’ dannu għall-ambjent iżda fl-istess waqt jaqdi l-bżonnijiet tar-residenti u n-negozji tal-gżira.
L-MEP Peter Agius irrimarka dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss (MFF) u stqarr il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-baġit li jmiss tal-UE jagħti prijorità lill-konnettività ta’ Għawdex. Huwa nsista li l-Gvern Malti irid ikun attiv minn issa biex jikseb il-fondi Ewropej neċessarji għall-investimenti fit-trasport ta’ Għawdex.
Id-diskussjonijiet inkludew ukoll il-Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli, li għandu l-għan li jagħti prijorità lill-investiment f’soluzzjonijiet ta’ dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Agius qal li din l-inizjattiva tista’ tipprovdi finanzjament kruċjali għal servizzi bil-baħar sostenibbli għal Għawdex. Dan jista’ jwassal biex Għawdex jilħaq il-miri marbuta mal-klima u fl-istess ħin itejjeb l-aċċessibiltà tiegħu.
//= $special ?>