minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon
u Il-Mument
Illum jitfakkar it-80 anniversarju minn meta 25 persuna Maltija rritornaw f’pajjiżna wara aktar minn tliet snin eżiljati fl-Uganda b’ordni illegali u illeġittma tal-gvern kolonjali Ingliż u bil-kompliċità ta’ ċerti politiċi Maltin. Grupp ieħor ta’ sittax kien wasal Malta disa’ xhur qabel.
Dan l-episodju deplorevoli kien megħjun ukoll minn sezzjoni ta’ ġurnali lokali li għal ħafna żmien kien qed tinstiga lill-awtoritajiet Ingliżi biex iwettqu dan l-att estrem.
Hu dover tagħna li nibqgħu nfakkru lilhom u s-sagrifiċċju li kienu mġiegħla jwettqu.
Id-deportati lura Malta wara aktar minn tliet sninId-deportati lura Malta wara aktar minn tliet snin
Ħafna, bir-raġun, baqgħu jirreferu għal dawk il-Maltin – kważi fit-totalità tagħhom Nazzjonalisti – li nġabru mill-awtoritajiet meta kienet riesqa t-Tieni Gwerra Dinjija, bħala ‘internati’. Jekk wieħed, iżda, jibqa’ josserva mill-qrib din il-ġrajja, malajr isib li numru relattivament sostanzjali minnhom kienu trasformati f’deportati’ – jew, aħjar, ‘eżiljati’ – aktar ma l-gwerra bdiet tiqliel. Huma spiċċaw f’pajjiż ’il bogħod ħafna: fl-Uganda.
Bejn Marzu u Ġunju 1940, meta mbagħad l-Italja ħabbret li kienet daħlet fil-gwerra, l-awtoritajiet ċivili Maltin, fuq struzzjonijiet tal-ħakkiema Ingliżi, u mxewxa minn sezzjoni ta’ Maltin, kienu arrestati madwar 120 persuna. Fost dawn kien hemm Nerik Mizzi, Kap tal-PN, il-President tal-Qorti Sir Arturo Mercieca, l-l-editur ta’ Leħen is-Sewwa l-Avukat Herbert Ganado, il-Profs. Giulio Cortis, Mons. Albert Pantallaresco, u Vincenzo Bonello, il-fundatur tal-Mużew tal-Arti.
Ma’ dawn kien hemm ukoll għadd imdaqqas ta’ ħaddiema tat-tarzna, nies li jaħdmu għal rashom, negozjanti żgħar u oħrajn. X’kien id-‘dnub’ tagħhom? Kollha kienu magħrufin bħala ‘ammiraturi’ tal-Italja u tal-kultura tagħha.
Għall-ewwel dawn il-‘priġunieri politiċi’ nżammu fil-Forti tas-Salvatur qrib ħafna tal-Port il-Kbir, iżda meta dan, fis-7 ta’ Lulju 1940, safa attakkat mill-għadu Ġermaniż, malajr l-internati ttieħdu f’post ieħor: fil-ħabs ta’ Kordin.
L-internati pprotestaw u fl-20 ta’ Lulju ttieħdu fil-Kunvent ta’ Sant’Agata fir-Rabat.
Sadanittant il-gazzetti Stricklandjani, li kienu ħeġġew lill-Ingliżi biex jinternaw lin-Nazzjonalisti, issa bdew kampanja biex dawn ikunu deportati, eżiljati. Effettivament, fit-3 ta’ Jannar 1942, numru ta’ internati kienu infurmati li fil-qrib kienu se jintbagħtu ’l barra mill-pajjiż.
Mill-ewwel dawn l-internati ressqu kawża fil-Qorti fis-sens li l-Gvernatur ma kellux id-dritt jiddeporta ċittadini Maltin. Huma rebħu din il-kawża għal darba u darbtejn iżda l-Gvern Kolonjali malajr għadda liġi biex il-Gvernatur jingħata poteri ta’ emerġenza biex ikun jista’ jeżilja lil min irid minn Malta.
L-internati kkontestaw din il-liġi fil-Qorti iżda proprju waqt li kienu għaddejjin dawn il-proċeduri, 41 persuna mill-internati ttellgħu fuq il-vapur MV Breconshire u l-ewwel ittieħdu l-Eġittu, u mbagħad lejn id-destinazzjoni finali fl-Uganda. Kien vjaġġ mimli perikli b’attakki spissi mill-għadu.
Hemmhekk ħafna minnhom sofrew minn xi tip ta’ mard, l-aktar il-malarja anki għaliex il-kampijiet tal-konċentrament Ingliżi kienu dikjarati unsafe for Europeans.
Naturalment dawn l-eżiljati Maltin mhux biss kellhom ibatu wkoll is-sħana kbira ta’ dak il-pajjiż iżda, fuq kollox, id-dulur estrem tan-nuqqas tal-familja.
Hekk kif il-gwerra bdiet tbatti żdiedu l-appelli biex jagħtu l-ħelsien lil dawn il-Maltin (li qatt ma nstabu ħatja ta’ xi reat) eżiljati b’mod illegali.
Wara snin ta’ ħajja miżerabbli fl-Uganda, il-Maltin kienu rimpatrijati f’żewġ gruppi: wieħed ta’ sittax li wasal Malta f’April 1944, u l-ieħor ta’ ħamsa u għoxrin. Sa fl-aħħar dawn setgħu jingħaqdu mal-familjari tagħhom f’pajjiżna fit-8 ta’ Marzu 1945 – 80 sena ilu.
Dan l-episodju ta’ ripressjoni dam b’kollox aktar minn tliet snin, iżda fuq kollox dawk li kellhom l-isfortuna li jitilfu l-libertà għal tant żmien, baqgħu jissemmew għaliex żammew ġieħhom intatt u l-Maltin ġenwini baqgħu jikkunsidrawhom bħala eroj.
“Hemm hi, dik Malta, hemm hi”
Silta mir-rakkont ta’ Herbert Ganado, fil-ktieb ‘Rajt Malta Tinbidel’ tar-ritorn tiegħu u ta’ sħabu eżiljati fl-Uganda lejn Malta fit-8 ta’ Marzu, 1945
“Hemm hi, dik Malta, hemm hi,” qal Gulielmu Farrugia li fuq sidru kellu l-midalji. “Lili ma taħrablix. Jien għext fuq il-baħar, fuq il-bastimenti tan-Navy. Hemm hi.”
Ħarisna lkoll miegħu lejn il-biċċa baħar fejn sebgħu kien qiegħed jurina. U xħin ilmaħtha ċara, blata bajda qisha titbennen fil-baħar, telgħatli bħal għoqla fi grieżmi.
Dak il-ħin insejna lkoll li kienet Malta li eżiljatna. Dik kienet Malta li twelidna fiha, li trabbejna fiha, li ħabbejna fiha. Dik kienet l-art ta’ missirijietna, ta’ martna u ta’ wliedna. Dik kienet id-dar tagħna li kienet qed tistenniena biex tifraħ bina.
Inżilt niġri lejn il-kabini biex nagħti l-aħbar lil dawk li kienu għadhom ma qamux.
“Tfaċċat Malta,” bdejt ngħid b’vuċi għolja, “tfaċċat Malta!”
U kulħadd beda ħiereġ mill-kabini. Erġajt tlajt niġri jien ukoll. Kulma tmur Malta bdiet tiċċara, bħal tinfirex mal-baħar u tidher kollha kemm hi.
Il-Port il-Kbir, dejjem sabiħ int u dieħel fih, dakinhar, kommoss kif kont, rajtu isbaħ. Rajtu donnu jkellimni. Bdejna nħarsu aħna u deħlin ħalli naraw x’kien baqa’ minn Malta.
(Wara li għaddejna mid-Dwara u għannaqt lill-għeżież tiegħi) tlajna fil-karozza li biha kienet ġiet Alda (il-mara). Ħassejtni għall-ewwel darba bniedem liberu, sejjer lejn dari mal-familja. It-tfal, li għad li kienu xi ftit jiftakruni, kont għalihom bniedem ġdid… kellhom kurżità kbira fuqhom jisimgħu lill-papà jitkellem.
Ma beżgħux… difiża qalbenija
■ Diskors memorabbli ta’ Sir Ugo Mifsud
■ Borg Olivier waħdu b’Kunsill sħiħ kontrih
Ngħidu li persuna turi tabilħaqq xi ssarraf fil-mument tal-prova u meta l-ħajja tixħet lejha sitwazzjonijiet diffiċli u fejn tiġi f’pożizzjoni tagħmel deċiżjonijiet li jolqtu lilha, iżda aktar minn hekk, lil oħrajn.
Din kienet is-sitwazzjoni li sabu ruħhom fiha r-rappreżentanti Maltin eletti fil-Kunsill tal-Gvern wara elezzjoni li kienet saret fl-1939. Dakinhar kienu eletti sitt membri tal-Partit Kostituzzjonali (ta’ Strickland), tlieta tal-Partit Nazzjonalista (Ugo Mifsud, Nerik Mizzi u Ġorġ Borg Olivier), u wieħed tal-Partit Laburista (Pawlu Boffa).
It-test il-kbir għal dan il-Kunsill, li bl-uffiċjali nominati mill-gvern kolonjali kien fih 20 membru (għaxra minnhom Maltin magħżulin f’elezzjoni ġenerali) wasal meta quddiem il-Kunsill tfaċċat mozzjoni tal-ħakkiema kolonjali, biex numru ta’ Maltin ikunu deportati, minkejja li l-Qrati Maltin, b’kuraġġ ammirevoli, kienu ddikjaraw li dan kien illegali. Ir-rappreżentanti tal-Gvern Ingliż ressqu mozzjoni biex – tgħid x’tgħid il-Qorti – il-Gvern seta’ jiddeporta lil min kien jidhirlu hu.
Hawnhekk ir-rappreżentanti Maltin fil-Kunsill kellhom għażla kruċjali: jivvutaw favur il-ħakkiema u kontra ħuthom Maltin, jew juru x’sinsla kellhom u jagħżlu lill-Maltin flok il-ħakkiema.
Minn tliet rappreżentanti tal-PN kien fadal tnejn qed jattendu dik is-seduta għaliex Nerik Mizzi kien internat, dik il-ħabta fil-kunvent ta’ Sant’Agata fir-Rabat. Kien fadal Sir Ugo Mifsud (Co-Leader tal-PN), u Ġorġ Borg Olivier… it-tnejn li huma ħarġu tal-akbar irġiel… u kif!
■ SIR UGO MIFSUD, fid-9 ta’ Frar 1942, għamel diskors brillanti fil-Kunsill tal-Gvern li għadu jissemma sal-lum. Fih waqqa’ b’argumenti sodi, dak li kienu qed jipproponu r-rappreżentanti tal-gvern kolonjali appoġġati mill-membri eletti Maltin.
Sir Ugo kien qed jitkellem b’passjoni qawwija, f’ħin minnhom ma setax iniżżel aktar l-atteġġjament, l-attakki u r-ridikolar ta’ rappreżentanti Stricklandjani, ħassu ħazin u waqa’ bilqiegħda. Ħaduh id-dar f’Ħal Lija fejn miet jumejn wara.
Fil-Kunsill kien fadal biss Ġorġ Borg Olivier biex jiddefendi lill-internati. Minkejja l-ostakli tal-Ingliżi fil-Kunsill u l-attakki tal-hekk imsejħa kunsillieri ‘Maltin’, Borg Olivier baqa’ jżomm iebes tant li kien waħdu li vvota kontra d-deċiżjoni ultra vires tal-gvern kolonjali, immexxi f’Malta mill-Gvernatur Sir William Dobbie.
Mhux ta’ b’xejn li dawn iż-żewġ eroj Maltin – Sir Ugo Mifsud u Ġorġ Borg Olivier, żewġ kapijiet tal-Partit Nazzjonalista – baqgħu fil-memorja kollettiva ta’ pajjiżna u għalihom għandna wkoll monument biex qatt ma ninsew dak li wettqu biex jippreservaw il-libertà f’pajjiżna.
B’dan telqu…

■ Dan hu l-vapur MV Breconshire li fuqu, fit-13 ta’ Frar 1942, l-internati Maltin bdew il-vjaġġ imwiegħer tagħhom lejn l-Uganda. Il-vjaġġ kien skabruż ħafna, perikoluż u sar fi żmien tabilħaqq diffiċli. Sa ma dawk deportati waslu l-Eġittu, fi triqthom lejn id-destinazzjoni finali, huma tħallew fl-istiva tal-vapur, fost attakki spissi mill-ajru. Id-deportati lmentaw bis-sħiħ dwar l-ikel li ngħataw waqt il-vjaġġ li, b’kollox, dam mhux anqas minn sittin jum, fl-14 ta’ April 1942.
… u b’dan ġew lura

■ Wara eżilju ta’ tliet snin u 23 jum, ħamsa u għoxrin deportat mill-41 li kienu fil-grupp oriġinali (flimkien ma’ num-ru ieħor li waslu 9 xhur qabel) irritornaw f’pajjiżna permezz tal-vapur MV Talina wara vjaġġ twil iżda għall-inqas nieqes mit-tensjoni ta’ attakki mill-ajru. Fost dawk li ġew lura kien hemm Nerik Mizi, il-Kap Nazzjonalista, l-Avukat Herbert Ganado, u l-Prim Imħallef Sir Arturo Mercieca. Qabel waslu Malta d-deportati kienu infurmati li ma setgħux imorru kullimkien mingħajr il-permess tal-Pulizija.
Maltin kontra Maltin
■ Il-Maltin li kienu inġustament intgħażlu għall-eżilju fl-Uganda, ikkontestaw u rebħu fil-Qorti ta’ pajjiżna din id-deċiżjoni, iżda l-Kunsill tal-Gvern ta’ Malta – magħmul minn għaxar persuni, li kienu jinkludu uffiċjali għoljin tal-Gvern Ingliż u tal-Gvern Malti, flimkien ma’ 10 politiċi Maltin oħra eletti f’elezzjoni ġenerali li kienet saret fl-1939 – ivvota favur l-eżilju.
Il-Kunsillieri Maltin li vvutaw kontra Maltin ħuthom, kienu sitta mill-Partit Kostituzzjonali (ta’ Strickland) u wieħed mill-Partit Laburista. Mit-tlieta tal-PN kien fadal biss Ġorġ Borg Olivier għaliex Nerik Mizzi kien internat, u Sir Ugo Mifsud miet wara diskorsi memorabbli f’dak l-istess Kunsill.
Il-kunsillieri Maltin li vvutaw kontra l-Maltin bħalhom kienu:
Partit ta’ Strickland: Roger Strickland, Albert Bartolo, Dr Henry Sacco, il-Perit Anthony Montana, Dr. George Borg u Ercole Valenzia.
Partit Laburista: It-Tabib Pawlu Boffa.


