Lokali Qorti

Mixli bi qtil involontarju ta’ “nursing aide” wara li tajru b’ambulanza

Eros Galea ta’ 36 sena miż-Żejtun tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni akkużat bi qtil involontarju b’rabta mal-mewta traġika ta’ Joseph Grech (ritratt) li ntlaqat minn ambulanza fl-Isptar Mater Dei f’Mejju li għadda. Fil-Qorti l-Pulizija xlietu quddiem il-Maġistrat Gianella Busuttil li b’nuqqas ta’ ħsieb u bi traskuraġni, kkaġuna l-mewt ta’ Grech ta’ 48 sena, resident Bormla.

Il-vittma kien intlaqat minn xufier ta’ ambulanza fl-Isptar Mater Dei. Grech kien jaħdem bħala nursing aide. L-inċident seħħ fil-25 ta’ Mejju 2024 għall-ħabta tal-5pm meta għal xi raġuni, ambulanza misjuqa minn Galea laqtet u ħasdet il-ħajja ta’ Grech.

Maria Miron, Rumena ta’ 54 kienet ukoll sofriet grieħi ta’ natura gravi meta ntlaqtet mill-ambulanza. Il-mara kellha tiġi operata u għal xi jiem kienet fil-periklu tal-mewt. Jospeh Grech ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Eros Galea wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darryl Farr flimkien mal-Avukat Darlene Grima f’isem l-Avukat Ġenerali. L-akkużat  deher  assistit mill-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili. F’isem il-vittma Joseph Grech u l-familjari tiegħu dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Maria Navarro filwaqt li għal vittma l-oħra dehru l-Avukati David Bonello u Joseph Borda.