mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Hemm dibattitu li ilu sekli għaddej. Dak marbut mal-moralità u l-politika barranija. Mhux faċli tanalizza dan illum, fix-xenarji li qed jiżviluppaw quddiemna. Jew forsi hu wkoll proprju minħabba dan li pajjiżi varji qed jirreaġixxu. Fuq naħa fl-għarfien li l-Istati Uniti tal-Amerika kellhom linji ta’ politika f’dan il-kamp mod, li llum jidhru li qed jinbidlu ta’ taħt fuq, u fuq hekk tqum id-domanda jekk dan huwiex biss każ ieħor ta’ realpolitik internazzjonali.
Iktar u iktar quddiem il-fatt sempliċi li għal snin twal, f’dak il-pajjiż “totalitarianism was a mortal peril to free societies” u li l-preżenza Amerikana kienet hemm biex tiddefendi d-demokraziji u l-valuri oċċidentali. F’dan kien hemm lezzjonijiet u direzzjonijiet differenti, fejn ebda President ma segwa preċiżament lil ta’ qablu, imma hemm kienu.
X’jaħsbu
George Weigel (1951), magħruf l-aktar għall-ktieb voluminuż tiegħu dwar il-Papa qaddis Ġwanni Pawlu II imma preżenti fl-analiżi politika u soċjali attwali, għandu riflessjonijiet tajba dwar dan fil-ktieb The Fragility of Order (2018).
Huwa jiddikjara hekk: “American power was a positive force in the world. The prudenti exercise of American power was not only necessary but good, for it aimed at securing the morally worthy goal of peace through freedom.” (Il-Forza Amerikana kienet waħda pożittiva għad-dinja. L-eżerċizzju għaqli tal-poter Amerikan ma kienx biss neċessarju imma tajjeb, għax kien jimmira li jħares li jassigura l-għan morali ta’ valur, li jkun hemm il-paċi permezz tal-libertà.)
Ideat li, f’ħafna, għalihom u għalina kienu kostanti.
Pożizzjoni aqwa
Kienu f’dan aktar fi grad ta’ superjorità, li fl-aħħar mill-aħħar hemm din il-potenza mondjali differenti mid-dittatorjati. Mhux biss poter u saħħa fid-deċiżjonijiet mondjali, imma direzzjoni politika internazzjonali mmarkata li tafferma li l-valuri morali t-tajba għandhom jiġu affermati.
Veru li mhux il-Presidenti kienu preċiżi fuq xulxin, iktar u iktar fl-għarfien li wħud kienu wlied il-Partit Demokratiku u oħrajn ulied dak Repubblikan. Biss, anke jekk ebda President ma jista’ jingħad fuqu li kien qaddis, għalkemm Jimmy Carter (1924-2024) ċertament kellu valuri Nsara dikjarati, xorta l-bandiera tal-libertà, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali ma ġewx abbandunati għall-esiġenzi politiċi puri. Waħda li diversi, fil-ġenerazzjoni li għaddejja, jidentifikaw mal-President John F. Kennedy (1917-1963).
Kien hemm
Kien hemm oħrajn qabel, però Kennedy kien dak li għaraf li l-vantaġġ bejn pajjiżu, u dak iż-żmien l-Unjoni Sovjetika, kienet ġejja minn dak ukoll. Kien kapaċi jwassal messaġġi ta’ Valuri u Realpolitik f’daqqa.
Fl-20 ta’ Jannar 1961, fid-diskors inawgurali tiegħu kien iddikjara li kien hemm ġenerazzjoni ta’ bnedmin li batew biex setgħet tirrenja l-paċi li ma kinetx lesta ċċedi fil-ġlieda tagħha għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Diskors li jimmerita jinqara mill-ġdid illum, erbgħa u sittin sena wara.
Senjatament meta tisma’ lura mill-ġdid li: “Let every nation know, whether it wishes us well or ill, that we shall pay any price, bear any burden, meet any hardship, support any friend, oppose any foe to assure the survival and the success of liberty.” (Kull pajjiż għandu jkun jaf, kemm jekk iridilniex il-ġid jew id-deni, li aħna lesti li nħallsu kull prezz, nieħdu fuqna kull piż, naffrontaw kull diffikultà, nappoġġjaw kull ħabib, nopponu kull għadu biex nassiguraw l-eżistenza u s-suċċess tal-libertà.)
Inbniet kultura
F’dan inbniet għall-ġid ta’ dak il-pajjiż linja ta’ ideat kulturali li drajna f’sens pożittiv. Ħadd ma ħa lil ħadd, kif jgħidu huma stess, “for granted”, imma għal dawn l-aħħar tmenin sena dik kienet il-linja.
Kennedy jibqa’ f’diskorsu dawl fil-valuri li ħaddan u li pprova jqiegħed fis-seħħ. Imma kif tajjeb jirrimarka Weigel, kien hemm Presidenti oħra wara li niżżlu isimhom u m’abbandunawx dan.
George Bush (1946) li f’Jannar 2005 kien, fost oħrajn, iddikjara f’linja dejjem avvanzata u ċara li: “We are led, by events and common sense, to one conclusion: The survival of liberty in our land increasingly depends on the success of liberty in other lands. The best hope for peace in our world is the expansion of freedon in all the world.” (Aħna mmexxijin minn eventi u sens komun, lejn konklużjoni waħda: Il-libertà tibqa’ ħajja u tiddependi dejjem aktar f’pajjiżna mis-suċċess tal-libertà f’artijiet oħra. L-aħjar tama għall-paċi fid-dinja tagħna hija dik li tara t-tkabbir tal-libertà fid-dinja kollha.)
Pożizzjoni mill-iktar ċara u evidenti.
Smajna u qrajna tajjeb
Proprju f’dan, għalhekk, ħadd ma jista’ jgħid li din il-pożizzjoni li għamlet il-ġid lil dak il-poplu ġiet ivvintata mill-pajjiżi Ewropej. Dik kienet ir-realtà u s-sens komun jitlob li dik tibqa’.
Għax hija minn kif il-ħamsa u erbgħin Presidenti preċedenti fasslu li huwa fit-triq it-twila kostanti li twettaq is-sewwa fil-politika, li tfittex u tagħti appoġġ tal-iżvilupp u progress tal-movimenti u istituzzjonijiet demokratiċi ta’ kull pajjiż u kultura, sabiex it-tirannija tispiċċa mhux titkattar fuq wiċċ l-art. Anke jekk aħna nħaddnu b’attenzjoni linja ta’ politika barranija li hija marbuta man-newtralità attiva, xorta aħna favur id-demokrazija u kontra d-dittatorjati.
Għandna nittamaw u nibqgħu nemmnu li kull poplu jixraqlu li jgħix fil-libertà u fejn id-drittijiet fundamentali jiġu protetti verament.
Modus non moriendi
Nafu li l-politika, anke dik mondjali, inevitabbilment tressaqna ma’ kwistjonijiet marbuta ma’ dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin: dak li huwa nobbli u dak li mhuwiex, jew dak li huwa konformi mal-veritajiet li nafu li huma veritieri u dak li mhuwiex konformi. Imma trid direzzjoni ċara li twasslek lejn il-paċi u s-sewwa.
Weigel proprju fuq l-analiżi dettaljata tiegħu ta’ ħajjet u ħidmet il-Qaddis Karol Wojtyla jagħraf li hemm negozjati li jistgħu jsiru f’dawn iċ-ċirkostanzi, imma l-prinċipji wieħed jaħdem aħjar jekk ma jċedix fuqhom. Jislet mill-kuntrast bejn il-Kattoliċiżmu u l-Komuniżmu u jgħid hekk: “That incompatibility also suggests that the strategy vision of John Paul II, which encompassed the victory of freedom over totalitarian tyranny, was more acute than those who imagined a slow convergence between liberalising Communism and an increasingly social-democratic West.” (Dik l-inkompatibilità tissuġġerixxi wkoll il-viżjoni strateġika ta’ Ġwanni Pawlu II, li kellha fiha r-rebħa tal-libertà fuq it-totalitarjaniżmu, kienet iktar akuta, intelliġenti, minn ta’ dawk li mmaġinaw xi forma ta’ konverġenza bejn Komuniżmu aktar libertarju u Oċċident iktar soċjal-demokratiku).
Fit-tul, imma fis-sewwa
Fl-għażliet li hemm quddiemna, wieħed irid jifhem aktar jekk dak li qiegħed jibni fil-preżent għall-futur għandux fih il-valuri tas-sewwa jew l-abbandun tagħhom. Il-politika t-tajba hija dik li tagħraf tiddistingwi biex timxi ’l quddiem. Jekk tibqa’ taħseb li għandha ċċedi issa biex tibqa’ għaddejja trid tagħraf li mhix taqbad triq biex ma tmutx, imma dik li biha se tmut.
Il-valuri demokratiċi fil-paċi u l-libertà jgħaqqdu ferm iktar popli milli naħsbu. Eċċezzjonijiet u kompromessi żbaljati bażati fuq konsiderazzjonijiet materjali u ekonomiċi jwasslu lejn eżempji ħżiena u li jkattru oħrajn biex jaqbdu l-istess triq. Hemm inkunu, f’isem ir-Realpolitik, qed naqbdu t-triq li ma fihiex dawk il-valuri morali li jsawruna.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 11 ta Marzu, 2025.
//= $special ?>