Qormi Daikin rebħu l-ewwel tournament tal-hockey 5s organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey wara li spiċċaw fl-ewwel post tal-klassifika bi 12-il punt. Huma kisbu punti massimi minn sitt logħbiet filwaqt li ddominaw kull partita li lagħbu.
Fit-tieni ġurnata ta’ logħob li ntlagħbet fil-kumpless tal-hockey, f’Kordin, il-Qriema għelbu lil Floriana Young Stars 7-3, lil White Hart 12-0 u ħadu walk-over ta’ 3-0 kontra GREE Żurrieq Wolves Hotsticks.
F’aktar riżultati, Floriana Young Stars għelbu lil White Hart 8-2.
Fi tmiem it-tournament, il-President tal-Hockey Association David Agius ippreżenta t-tazza lill-plejer ta’ Qormi Daikin, Nathan Pace Gasan.
Sadanittant, saret ukoll partita ta’ ħbiberija bejn iż-żewġ timijiet femminili ta’ Qormi u Marsaskala Heat b’tal-ewwel jirbħu 3-0.
Mill-hockey 7s, Rabat għelbu lil Floriana 1-0 bil-gowl uniku skorjat minn Matthew Buhagiar.
Finalment, Qormi Daikin ġew ippreżentati bit-tazza rebbieħa tal-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena minkejja li tilfu l-logħba kontra Marsaskala Heat 5-4.
Eyan Toledano skorja doppjetta filwaqt li Kyron Carabott, Damien Lupu u Alessandro Piscopo żiedu aktar gowls għar-rebbieħa. Dion Fenech, Liam Carabott, Zackary Farrugia u Aydin Aquilina kienu l-awturi tal-gowls għal Qormi.
Fi tmiem il-konfront, il-President tal-Hockey Association of Malta David Agius ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Qormi Daikin Dion Fenech.
//= $special ?>