Ambjent Lokali

Se jinħoloq ktieb bl-ideat tal-istudenti tal-EcoSkola

Il-Climate Action Authority hija determinata li tagħti vuċi b’saħħitha lit-tfal fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi tagħha. Dan kien messaġġ evidenti meta t-Tnejn filgħodu iktar minn 130 student inġabru għall-Eco-Schools 13th Young People’s Summit, inizjattiva li saret b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità u Nature Trust FEE Malta.

L-istudenti li pparteċipaw jattendu skejjel differenti madwar il-pajjiż u ngħataw spazju biex jgħidu tagħhom dwar il-futur b’enfasi fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika. Il-ħsieb tal-Climate Action Authority issa hu li t-tant ideat u punti importanti diskussi dwar is-suġġett tal-bidla fil-klima, ma jispiċċawx għax intemmet l-attività. Minflok diġà beda x-xogħol biex ikun ippubblikat ktieb li proprju titlaq mill-ideat tal-istess tfal waqt l-istess attività. Il-pubblikazzjoni mhux biss għandha l-iskop li sservi bħala għodda edukattiva, iżda sservi wkoll ta’ messaġġ ċar li meta wieħed ikun determinat jista’ jasal biex jibdel l-affarijiet għall-aħjar. Dan il-ktieb eventwalment se jitqassam fl-iskejjel. Ir-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-istudenti ser ikunu wkoll diskussi f’mozzjoni fil-Parlament waqt id-dsatax-il seduta tal-EkoSkola Parliament li Nature Trust FEE Malta torganizza kull sena taħt il-patroċinju tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Inidirizzaw is-sessjoni wkoll, il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, Ing. Abigail Cutajar, u Vincent Attard, il-President ta’ Nature Trust FEE Malta.

Cutajar tenniet li l-istudenti, partikolarment dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ EkoSkola, huma meqjusa bħala msieħba importanti ħafna fix-xogħol li trid tagħmel l-Awtorità.

Vincent Attard ta’ Nature Trust FEE Malta qal: “Il-programm EkoSkola kien sa mill-bidu intenzjonat biex jagħti vuċi lit-tfal. Ġie varat fi żmien fejn kien għad hemm l-idea li t-tfal għadhom żgħar wisq biex jifhmu l-konsegwenzi tal-għażliet li nagħmlu kuljum. Illum, iktar minn għoxrin sena wara nistgħu ngħidu li dan l-iskop mhux talli ntlaħaq, iżda mar oltrè. It-tfal ta’ EkoSkola mhux biss huma mħassbin imma għandhom soluzzjonijiet prattiċi li qed iwettquhom fl-iskejjel u l-komunitajiet fejn jgħixu. Din tal-lum hija okkażjoni oħra fejn grazzi għal CAA erġajna laqqajna t-tfal ta’ etajiet differenti biex ikomplu jgħidulna x’qed iħassibhom u x’azzjonijiet hemm bżonn nieħdu. Nature Trust FEE Malta tħoss li huwa obbligu morali li t-tfal u żagħżagħ ikunu parteċipi fid-diskussjoni ladarba huma se jkunu affettwati bid-deċiżjonijiet li ser jittieħdu.

Intant, matul l-istess attività l-istudent Luke DeBono kien rikonoxxut għall-kisba li għamel meta f’kompetizzjoni internazzjonali Children’s Eye on Earth kiseb it-tielet post.