Lokali Parlament Turiżmu

Clayton Bartolo jibqa’ jiddefendi lil Johann Grech

Quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, l-Eks Ministru Laburista Clayton Bartolo nfexx f’attakki partiġjani kontra l-PN, filwaqt li baqa’ jiddefendi lill-Kummissarju Johann Grech.

L-Erbgħa waranofsinhar fil-PAC, saru numru ta’ mistoqsijiet lill-Eks Ministru Laburista dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li ma setax isib ġustifikazzjoni għal ċertu infiq eżorbitanti tal-Kummissjoni tal-Films.

Clayton Bartolo evita għalkollox milli jikundanna l-infiq tal-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, fejn meta mistoqsi jekk jaqbilx mal-ħlas ta’ €120,000 lil David Walliams għal serata waħda… huwa qabbel din in-nefqa ma’ ħlas lil professur mediku.

Fi kliem sempliċi, għal Clayton Bartolo, il-flus li tajna lil David Walliams kienu qishom flus li pazjent iħallas lit-tabib tiegħu.

Waqt il-PAC, l-Eks Ministru responsabbli mit-Turiżmu u mill-Kummissjoni tal-Films stqarr li huwa impossibbli li jkun jaf dak kollu li għaddej. Dan filwaqt li meta mistoqsi dwar liema film Malti ħa tax rebate, huwa l-ewwel ma kienx kapaċi jsemmi wieħed imbagħad, wara siegħa, semma’ film wieħed.

Fl-istess seduta tal-PAC, l-Eks Ministru wera li ma kienx lest li jipprovdi l-lista ta’ konsulenti li kellu. Bil-membri tal-Gvern Laburista, jimblokkaw lill-Oppożizzjoni permezz ta’ vot.

Lura f’Jannar, l-Awditur Ġenerali kien sab li mhux ċar jekk in-nefqa eżorbitanti tal-Malta Film Week u l-Film Awards kenux ġustifikata. Minkejja dan, l-Eks Ministru Clayton Bartolo baqa’ joħroġ għonqu għal Johann Grech, filwaqt li farfar fuq il-ħaddiema tiegħu għaliex – skont hu – l-Ministru ma jkunx mgħarraf b’dak kollu li jkun għaddej.

Fil-Kumitat immexxi mic-Chairperson Darren Carabott, ipparteċipaw ukoll ix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Ivan Castillo.