Fl-1 ta’ Frar li għadda, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ħatar lil Mons. Jimmy Xerri (mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria), li hu diġà Delegat tal-Isqof għad-Djakonija u Direttur tal-Caritas Djoċesana, bħala Direttur tal-Fondazzjoni Arka, li tmexxi Dar Arka f’Għajnsielem. Mons. Isqof irodd ħajr lill-Kan. Michael J. Galea li għal dawn l-aħħar 15-il sena qeda f’din l-istituzzjoni bi mħabba u dedikazzjoni, u issa ġie mitlub jgħin b’mod aktar sħiħ fil-ħidma pastorali fil-Parroċċa tax-Xagħra. Il-Fondazzjoni Arka hi mmexxija minn Bord tad-Diretturi, u l-Manager tad-Dar hu Marco Formosa.
L-Isqof Anton ħatar ukoll lil Dun Manwel Magro (mill-Parroċċa tal-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria), bħala Delegat tiegħu għall-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex. L-Isqof jirringrazzja lil Dun Giovanni M. Curmi kif ukoll lil Christine Scerri li kienu jkopru dawn ir-rwol fis-snin li għaddew.
Dun Alex Refalo (mill-Parroċċa tat-Twelid ta’ Marija, ix-Xagħra) ġie maħtur Amministratur Parrokkjali tal-Parroċċa tat-Twelid ta’ Marija, ix-Xagħra. Dan sakemm fix-xhur li ġejjin jiġi nnominat Arċipriet ġdid. L-Isqof jirringrazzja lill-Kan. Richard N. Farrugia għall-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar xhur.
DUN MANWEL MAGRO twieled fit-28 ta’ Diċembru 1955 fil-Belt Victoria, bin Ġużepp u Rita Cauchi. Hu rċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu u attenda l-Liċeo tal-istess belt. Hu ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi nhar it-28 ta’ Ġunju 1979.
Dun Manwel ħadem bħala Viċi-Parroku u kollaboratur f’diversi parroċċi l-Ġermanja (Arċidjoċesi ta’ Kolonja, 1979-1984), Għawdex (il-Katidral, 1984-1986), u fl-Istati Uniti (Arċidjoċcesi ta’ Washington, DC 1987-2001, 2013-2024).
Huwa studja x-Xjenza Biblijotekarja u Informatika f’The Catholic University of America fuq livell ta’ Masters (1987) u kiseb id-Dottorat fil-Katekeżi u l-Edukazzjoni Reliġjuża mill-istess Università fl-2000. Ir-riċerka tiegħu kienet dwar l-importanza tal-imaġinazzjoni fil-formazzjoni tal-fidi (The Role of Imagination in Catechesis in Light of D.W. Winnicott’s Theory of Emotional Development).
Dun Manwel kien Kap tal-Iskola Sekondarja tas-Seminarju Minuri, il-Belt Victoria (2001-2006) u wara sar Assistent Lettur tal-Katekeżi u l-Edukazzjoni Reliġjuża fl-Università ta’ Malta, kemm fil-Fakultà tat-Teoloġija u kemm fil-Fakultà tal-Edukazzjoni (2006-2012). Hu kien Assistent Professur tal-Edukazzjoni Reliġjuża u l-Katekeżi f’The Catholic Univeristy of America, Washington, DC (2013-2018).
Bejn l-2007 u l-2012 Dun Manwel kien membru tal-Uffiċċju tal-Edukazzjoni Reliġjuża fi ħdan is-Segretarjat għall-Katekeżi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Dan l-aħħar Dun Manwel kien Viċi-Parroku fil-Parroċċa ta’ San Pietru, Olney, Maryland, fejn kien iżur b’mod regolari l-istudenti tal-iskola tal-parroċċa bħalma kien jagħmel fil-parroċċi fejn kien viċin.
Hu awtur ta’ xi xogħljiiet dwar il-formazzjoni tal-fidi kif ukoll it-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel.
MONS. JIMMY XERRI twieled fit-30 ta’ Awwissu 1957, f’New South Wales, l-Awstralja. Ġie lura Għawdex ta’ età żgħira mal-familja tiegħu u studja fl-Iskola Primarja tal-Gvern u aktar tard fil-Liċew tal-Belt Victoria. Fl-1974 daħal fis-Seminarju għall-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju, fejn bħala seminarista ħadem ħafna mat-tfal u ż-żgħażagħ tal-Parroċċa tiegħu ta’ San Ġorġ. Irċieva l-Ordni Sagri fis-27 ta’ Ġunju 1981, u wara mar Ruma biex ikompli bl-istudji tiegħu, fejn kiseb liċenzjat fil-Filosofija.
Lura f’Għawdex, Dun Jimmy ħa ħsieb għal erba’ snin l-orfni tal-Istitut ta’ San Ġużepp, f’Għajnsielem. Għen fil-Parroċċa ta’ Għajnsielem u fl-Azzjoni Kattolika, u għallem l-Istorja tal-Filosofija fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex. Kien għal tmien snin Segretarju Pastorali tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, kif ukoll Segretarju Amministrattiv fl-Iskola Sekondarja tas-Seminarju Minuri. Għal bosta snin ħadem fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb f’Taċ-Ċawla, fil-periferija tar-Rabat, fejn kien jgħix fil-komunità tas-saċerdoti.
F’Novembru 1994 emigra lejn il-Brażil, fejn ħadem għal 15-il sena f’parroċċi differenti fl-Istat ta’ Alagoas, l-ewwel bħala Viċi-Parroku, imbagħad bħala Kappillan tal-Parroċċi tal-Madonna tal-Grazzja f’Maceió u ta’ San Bastajn f’Messias. Fl-2001 inħatar Rettur tas-Seminarju interdjoċesan ta’ Maceió, u fl-2006 ingħata t-titlu ta’ Monsinjur.
Lura Għawdex fi Frar 2010, ġie maħtur is-seba’ Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, fin-Nadur.
Dun Jimmy hu wkoll awtur ta’ bosta kitbiet ta’ natura pastorali, kemm bl-Ingliż u kemm bil-Portugiż, kif ukoll il-ktieb Lejn kultura Nisranija fl-1993, li kien użat fis-sillabu tar-Reliġjon fuq Livell Avvanzat għal bosta snin.
//= $special ?>