L-Oppożizzjoni taċ-ċentru-lemin kisbet rebħa sorprendenti fl-elezzjonijiet ġenerali ta’ Greenland – il-gżira awtonoma, dipendenti fuq id-Danimarka u li fl-aħħar ġimgħat kienet fuq fomm kulħadd wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar l-intenzjonijiet ċari biex pajjiżu jieħu l-kontroll tat-territorju fir-reġjun tal-Artiku.
L-elezzjoni fi Greenland kienet iddominata bl-issues tal-indipendenza u l-politika ta’ Trump u bil-Partit Demokratiku – li hu favur proċess gradwali ta’ indipendenza sħiħa mid-Danimarka – jikseb madwar 30 fil-mija tal-vot.
Dan waqt li spikka wkoll il-messaġġ lil Trump, mill-kamp tad-Demokratiċi, biex ‘hu jirrispetta l-integrità ta’ Greenland.’
Il-Kap tal-Partit Demokratiku, Jens-Frederik Nielsen, insista dwar il-ħtieġa ta’ solidarjetà sħiħa fost ir-residenti ta’ Greenland waqt li qal li t-tmexxija ġdida lokali beħsiebha tidħol fin-negozjati kollha meħtieġa.
Fil-jiem li ġejjin għandhom isiru t-taħditiet bejn id-Demokratiċi u partiti oħrajn interessati f’li jissieħbu f’koalizzjoni.
It-tmexxija lokali fi Greenland tieħu ħsieb l-affarijiet domestiċi iżda l-Gvern Daniż, għalissa, għandu l-aħħar kelma dwar il-politika barranija tat-territorju – l-istess bħal fil-każ tal-politika relatata mad-difiża.
Sadanittant, ħamsa minn fost is-sitt partiti ewlenin li kkuntestaw l-elezzjonijiet fi Greenland huma favur l-indipendenza mid-Danimarka, iżda ma jaqblux dwar ‘ir-ritmu u ż-żmien’ li għandu jieħu proċess daqshekk storiku.
//= $special ?>