Ingliż ta’ 41 sena ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li fi Frar li għadda hedded uffiċjal pubbliku, li kkommetta serq u li kien fis-sakra fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Huwa ġie mmultat ukoll is-somma ta’ €800.
Simon Lee Gettings ammetta li fid-9 ta’ Frar li għadda għall-ħabta tal-10.15pm wettaq serq ta ‘
disa’ fliexken birra, żewġ sandwiches u wrap minn Cafeteria, liema serq ma jaqbiżx l-ammont ta’ €232.93.
Huwa ammetta wkoll li fl-istess jum, ħin u ċirkostanzi ma obdiex l-ordnijiet legali ta’ xi awtorità jew ta’ kull persuna fdata b’servizz pubbliku. Ammetta wkoll li fl-istess jum u ħin instab fis-sakra u inkapaċi li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, u li kien fil-pussess ta’ arma.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qieset il-fatt li l-imputat ammetta fi stadju bikri l-akkużi miġjubin kontrih bil-Qorti twissi lill-ħati dwar il-konsegwenzi legali ta’ tali sentenza jekk b’xi mod jiksirha. Wara li ngħata ftit taż-żmien biex jaħsibha dwar l-ammissjoni tiegħu u wara li l-Qorti spjegatlu l-effetti ta’ tali ammissjoni, il-ħati għal darb’oħra kkonferma l-ħtija tiegħu.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt tal-koperazzjoni sħiħa ta’ Gettings matul l-investigazzjoni, kif iddikjarat mill-Uffiċjal Prosekutur waqt sottomissjonijiet orali dwar il-piena. Il-fatt li m’għandux indirizz fiss jew xi rabtiet magħrufa mal-pajjiż, u li volontarjament huwa għażel li jħalli Malta.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roxanne Tabone.