Ma kienx hemm tfal sal-età ta’ tnax-il sena li kellhom bżonn is-servizz ta’ sapport ta’ psikjatri jew psikologi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fis-sena 2024. Dawk li ġew bżonn dan is-sevizz ta’ appoġġ ingħata lil dawk fl-età ta’ 13-il sena u akbar.
ll-Ministru Jo Etienne Abela tkellem dwar l-użu ta’ dan is-sevizz fi tweġiba li ta fil-Parlament għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea.
Fi statitika li ngħatat ukoll fil-Parlament dan l-aħħar għal mistoqsija wkoll parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea, kien irriżulta li 2,176 persuna f’Malta u 1,067 f’Għawdex ħtieġu s-sapport ta’ psikjatri jew psikologi fl-isptarijiet tal-Gvern f’Malta u Għawdex – total ta’ 3,243. Dan ifisser li kważi nofs il-każi ta’ Malta, kienu f’Għawdex.
Irriżulta wkoll li fil-faxxa tal-età sa 18-il sena talbu l-għajnuna u daħlu fl-isptar ta’ Malta 126 persuna; bejn id-19 u 34 sena 707 persuni; bejn il-35 u l-50 sena 750 persuna; bejn il-51 u d-69 sena 462; u dawk ’il fuq minn 70 sena kienu 131 persuna li kellhom bżonn din l-għajnuna.
F’Għawdex, kienu tliet persuni fl-età ta’ bejn 13 u 15-il sena; 43 persuna bejn 16 u 24 sena; 62 persuna bejn il-25 u l-34 sena; 63 persuna bejn il-35 u l-44 sena; 85 persuna bejn l-45 u l-54 sena; 127 persuna bejn il-55 u l-64 sena; 141 persuna bejn il-65 u l-74 sena; 80 persuna bejn il-75 u l-79; u 463 persuna ’l fuq minn 80 sena.
//= $special ?>