Lokali

“Il-poplu Malti jixraqlu Speaker imparzjali, serju u demokratiku” – PN

F’laqgħa li saret ilbieraħ filgħaxija, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qabel li l-poplu Malti jixraqlu jkun rappreżentat f’Parlament li jitmexxa b’mod imparzjali, serju u demokratiku, u mhux b’għamad politiku u fl-interessi partiġjani tal-partit fil-Gvern.

B’dispjaċir, il-Grupp Parlamentari jinnota li l-mod kif l-Ispeaker Anġlu Farrugia qed imexxi l-Parlament qiegħed ixekkel lill-Partit Nazzjonalista milli jaqdi r-rwol tiegħu ta’ Oppożizjoni skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta. B’konsegwenza ta’ hekk, il-123,000 Malti u Maltija li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali qed jiġu mċaħħda mir-rappreżentanza li għandhom dritt Kostituzzjonali għaliha.

Kif kulħadd seta’ jara b’għajnejh f’bosta okkażjonijiet, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qed imexxi l-Parlament bl-istess preġudizzju kontra l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li kien juri meta kien Deputat Mexxej tal-Partit Labursita. Il-Grupp Parlamentari tal-PN ifakkar li f’din il-leġiżlatura biss, l-Ispeaker Anġlu Farrugia:

  1. Ta għadd kbir ta’ rulings li huma inkonstitenti ma’ xulxin u li jmorru kontra l-ispirtu u l-ħsieb tal-Ordnijiet Permanenti, il-modi, l-użanzi u drawwiet tal-Parlament Malti;
  1. Ċaħad kull talba għal diskussjoni urġenti fil-Parlament imressqa mill-Oppożizzjoni, fosthom dawk dwar:

(a)             il-mewt traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia;

(b)            il-frodi ta’ €400 miljun minn fuq dahar il-pazjenti Maltin u Għawdxin fil-każ ta’ Vitals u Steward;

(c)             is-serqa ta’ aktar minn 200 kilo droga minn taħt imnieħer il-Forzi Armati ta’ Malta;

(d)            il-falliment u l-għeluq tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta;

(e)             ir-rapport tal-Ombudsman dwar l-abbużi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-14-il persuna li mietu waqt li kienu taħt il-kustodja tal-Istat; u

(f)              ir-riżenja jew it-tkeċċija tal-Eks Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u ta’ Ronald Mizzi minn Segretarju Permanenti;

  1. Ħasel idejh minn deċiżjonijiet fil-konfront tal-Prim Ministru, Ministri u Segretarji Parlamentari dwar ksur tal-kodiċi ta’ etika billi, bħala Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ivvota kontra jew astjena li jiġu imposti sanzjonijiet kontra min ikun instab ħati;
  1. Ma tax lill-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista l-istess protezzjoni li ta lill-Membri Parlamentari tal-Gvern, saħansitra anke meta kemm hemm każijiet ċari ta’ theddid, insulti u allegazzjonijiet foloz fil-konfront tagħhom;
  1. Baqa’ jaħsel idejh kull meta Mistoqsijiet Parlamentari baqgħu ma tweġbux fil-ħin jew kif suppost u meta Ministri ma tawx kopja ta’ dokumenti li huma stess irreferew għalihom fit-tweġibiet tagħhom;
  1. Ma ħa l-ebda azzjoni biex jiżdiedu s-seduti allokati għal diskussjoni dwar għadd kbir ta’ abbozzi ta’ liġijiet u mozzjonijiet ippreżentati mill-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, u żamm mal-minimu ta’ seduta waħda kull sitt xhur.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jqis dan kollu bħala abbuż li m’għandux ikun ittollerat jew issanzjonat f’demokrazija. Huwa għalhekk li minnnufih il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista se jitlob laqgħa urġenti mal-Ispeaker Anġlu Farrugia biex delegazzjoni tiegħu tkun tista’ tispjegalu b’mod ċar u dirett il-pożizzjoni tal-Grupp Parlamentari u teżiġi mingħandu rimedji u azzjonijiet immedjati.

Huwa tassew kundannabbli li l-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel bħall-predeċessur tiegħu u qed ikompli juża u jikkontrolla lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jipprova jsikket u jfixkel lill-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fil-qadi tad-doveri kostituzzjonali tagħhom bħala Oppożizzjoni. Bl-istess mod, huwa skandaluż li l-Ispeaker Anġlu Farrugia qed ikompli jirrendi ruħu għodda politika partiġjana u antidemokratika f’idejn Robert Abela.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li l-Parlament Malti jkollu Speaker imparzjali, serju u demokratiku. Il-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom Speaker li jkun kapaċi jmexxi din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna b’mod li jiġu rispettati u mħarsa d-drittijiet tal-Membri Parlamentari kollha, inkluż dawk eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-Maltin u l-Għawdxin li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista għandhom dritt ikunu rappreżentati b’mod effettiv f’din l-istituzzjoni li hija tagħhom ukoll. Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li dan id-dritt ikun imħares.