Lokali

Baraxx ta’ kritika lejn il-midja Laburista

“Kif ma tistħux. Miraklu. Possibbli ħa żball il-miżien?”

Dawn huma biss uħud mill-ħafna reazzjonijiet tan-nies għar-rappurtaġġ tal-midja Laburista; bil-kritika fuq il-midja soċjali tkun waħda enormi. Dan wara li t-Tlieta, uffiċjal tal-Forensika żvela fil-Qorti l-bidla fl-ammont ta’ drogi misrqua mill-barracks tal-AFM, f’Ħal Far.

Tant li issa, qed jiġi rraportat li mhuwiex minnu li nsterqet 226 kilo droga kif kien iddikjara l-Kummissarju Angelo Gafà innifsu – iżda l-ammont misruq, dejjem skont ix-xhieda li ngħatat, huwa dak ta’ 132 kilogramma.

U għalkemm l-ammont misruq huwa inqas minn dak irrapportat inizjalment – dan bl-ebda mod ma jnaqqas il-gravità tas-sitwazzjoni. Anzi, kompla jitfa’ aktar dubji fuq din l-istorja li seħħet ftit tal-ġimgħat ilu.

Ir-rabja tan-nies kienet evidenti fil-kummenti tagħhom fuq il-midja soċjali, partikolarment taħt ir-rapport li għamlu tas-Super One.

Persuna kkummentat li ‘ma kienx hemm għalfejn jasal il-Milied biex naraw pantomima, għax qegħdin narawhom is-sena kollha’. Dan filwaqt li xi ħadd ieħor qal ‘issa nilagħbuhom lottu’. B’oħrajn jinsistu li mhux jemmnu dawn in-numri.

B’mod umoristiku, kumment minnhom ħareġ bir-raġuni għaliex kien hemm il-bidla fl-ammont – ‘għax meta wiżnuhom ma naqsux il-piż tal-basktijiet’. U persuna oħra qalet tinsab mistgħaġba b’dan kollu, tant li kitbet ‘Miraklu Ieħor!’.