Lokali

Kulħadd qed jindika li l-konsum ta’ droga qed jiżdied – Abela jisħaq li fattwalment l-istatistika qed tgħid mod ieħor

B’rabta mas-serq ta’ droga mill-AFM – jgħidilna li aħbar tajba l-iżball fl-ammont

Waqt il-crime conference tal-Pulizija b’rabta mas-serqa ta’ droga mill-barracks tal-AFM, li suppost kienu taħt sigurtà massima; il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kien qal lill-ġurnalisti li nsterqu 226 kilogramma raża tal-kannabis.

Iżda waqt xhieda fil-Qorti tul il-jum tat-Tlieta issa qed jingħad li nsterqu ftit aktar minn 130 kilogramma…diskrepanza ta’ 94 kilo; u jekk dan kien żball, żgur li fisser differenza qawwija.

Differenza li b’mod mill-aktar inevitabbli kellna nistaqsu dwarha lill-Prim Ministru Robert Abela fejn saħaq li din hi “aħbar tajba” għaliex ifisser li insteraq ammont inqas. Bir-riżultat li l-Prim Ministru mhux qed jinkwieta li l-Pulizija ma kellhomx idea kemm kien l-ammont li kien qiegħed jinżamm taħt suppost għassa.

Fil-Qorti ngħad kif kien hemm 3 suldati għassa mal-barracks, madanakollu l-ħallelin għamlu madwar sagħtejn iwettqu s-serqa mingħajr dawn ma ndunawx – bil-Prim Ministru jisħaq li jekk kienx hemm nuqqas se tkun qed tiddeterminah l-inkjesta.

Mistoqsi dwar it-taħwida tal-ammonti li nsterqu, Abela spjega li għal dan iridu jwieġbu l-Pulizija.

Intant saqsejna wkoll lil Robert Abela dwar il-problema ta’ droga li aktar kmieni din il-ġimgħa irrapporta dwarha l-ġurnal Times of Malta fejn semma’ l-konsum ta’ droga kokaina fl-istabbilimenti tad-divertiment fil-Belt Valletta – bl-MHRA tisħaq li din il-kriżi qed tikber mhux fil-Belt Kapitali biss iżda ma’ Malta kollha.

Mistoqsi dwar din iż-żieda Robert Abela ċaħad dan, u insista li l-MHRA jistgħu jgħidu li jridu.