- L-UE u l-istati membri tagħha jridu jżidu b’mod sinifikanti l-assistenza tagħhom lill-Ukrajna
F’riżoluzzjoni adottata l-Erbgħa, il-Parlament jgħid li l-UE issa hija l-alleat strateġiku primarju tal-Ukrajna u trid tgħin lill-pajjiż jirrispetta d-dritt tiegħu għall-awtodifiża.
Il-MPE laqgħu l-proposta għal waqfien mill-ġlied ta’ 30 jum, li saret fil-11 ta’ Marzu. Huma jistennew li r-Russja taċċettaha u ssegwiha billi twaqqaf l-attakki kollha fuq il-popolazzjoni ċivili, l-infrastruttura u t-territorju tal-Ukrajna.
Skont il-MPE, wara “bidla evidenti” fil-pożizzjoni tal-Istati Uniti dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, “li inkludiet li l-Ukrajna tingħata t-tort pubblikament għall-gwerra li għaddejja”, l-UE u l-istati membri tagħha issa huma l-alleati strateġiċi primarji tal-Ukrajna u jridu jżommu r-rwol tagħhom bħala l-akbar donatur. Biex jiġi rrispettat id-dritt tal-Ukrajna għall-awtodifiża, l-UE u l-istati membri tagħha jridu jżidu b’mod sinifikanti l-assistenza tant meħtieġa tagħhom lill-pajjiż.
Għajnuna lill-Ukrajna biex tirreżisti u tipprevjeni aktar attakki Russi
Sabiex jiskoraġġixxi aktar aggressjoni Russa, il-Parlament jgħid li l-UE jeħtiġilha tikkontribwixxi għal garanziji ta’ sigurtà b’saħħithom għall-Ukrajna. Il-pajjiż irid jingħata s-setgħa li jirrifjuta ftehimiet mgħaġġla li jdgħajfu s-sigurtà tiegħu fit-terminu medju u twil u jirriskjaw li jissoġġettawh u lil pajjiżi Ewropej oħra għal aggressjoni Russa mġedda fil-futur. Il-MPE jopponu bil-qawwa kwalunkwe tentattiv ta’ rikatt tat-tmexxija tal-Ukrajna biex iċċedi għall-iskop uniku li jiġi ffaċilitat l-hekk imsejjaħ “ftehim ta’ paċi”.
Ir-riżoluzzjoni tiddikjara wkoll li ma jista’ jkun hemm l-ebda negozjati dwar is-sigurtà Ewropea mingħajr il-preżenza tal-UE, u l-MPE jilqgħu t-tnedija ta’ “koalizzjoni ta’ dawk li huma lesti” għall-infurzar ta’ ftehim ta’ paċi potenzjali, immexxi mill-Ewropa. Il-MPE huma skantati u ddiżappuntati bl-attitudni tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti fir-rigward tar-Russja u l-pressjoni fuq l-alleati Transatlantiċi tal-Istati Uniti.
It-taħditiet dwar l-adeżjoni mal-UE għandhom jiġu aċċellerati
Il-MPE jinsistu li l-futur tal-Ukrajna huwa bħala membru tal-UE, u jappellaw għall-aċċellerazzjoni tat-taħditiet dwar l-adeżjoni.
Filwaqt li jħeġġu lill-UE biex tipprepara għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra b’fondi ġodda, il-MPE jindikaw li r-Russja jeħtieġ li tħallas għall-ħsara enormi kkawżata fl-Ukrajna. L-assi sovrani Russi immobilizzati skont is-sanzjonijiet tal-UE jridu jiġu kkonfiskati u użati għad-difiża u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.
Fl-aħħar nett, il-Parlament jitlob li jiġu imposti sanzjonijiet aktar effettivi fuq ir-Russja flimkien ma’ miżuri restrittivi kontra kwalunkwe entità li tiffaċilita ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u tipprovdi lill-kumpless militari Russu b’tagħmir militari u teknoloġija b’użu doppju.
Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’442 vot favur, 98 kontra u 126 astensjoni.
//= $special ?>