Sport

Liverpool eliminati mill-UEFA Champions League

Liverpool sfaw eliminati miċ-Champions League wara li f’darhom kienu megħluba bil-penalties minn Paris Saint Germain li issa għaddew fimkien ma’ Barcelona, Inter u Bayern Munich għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni.

Barcelona      3        Benfica    1

Bi tliet gowls fl-ewwel taqsima f’Estadio Olimpico Lluis Companys, Barcelona għelbu l-ostakolu Benfica u għaddew għall-fażi li jmiss b’aggregate ta’ 4 – 1. Fil-11-il-minuta minn pass ta’ Lamine Yamal, kien RAPHINHA li għeleb lil Anatoly Trubin. Reazzjoni minn Benfica li żewġ minuti wara kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ NICOLAS OTAMENDI minn azzjoni ta’ Andreas Schjederup. Fis-27 minuta kien LAMINE YAMAL li għeleb lil Trubin għat 2 – 1 sabiex fit-42 minuta minn azzjoni ta’ Alejandro Balde kien mill-ġdid RAPHINHA li għamel l-iskor 3 – 1.

Liverpool     0        Paris Saint Germain  1

Rebħa minima f’Anfield għal Paris Saint Germain kienet biżżejjed sabiex il-partita tmur fil-ħin barrani fejn bl-iskor jibqa’ 1 – 0 u b’aggregate ta’ 1 – 1 bir-rebħa minima ta’ Liverpool fi Franza, il-kwalifikazzjoni kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties.

B’Paris Saint Germain fuq l-offensiva, wara 12-il minuta fetħu l-iskor permezz ta’ OUSMANE DEMBELE li għeleb lil Alisson. 1 – 0 li baqa’ l-istess sa tmiem il-120 minuta.

Fil-penalties, wara li Mohamed Salah għeleb lil Donnarumma, kien Vitinha li għeleb li Alisson. Gigi Donnarumma salva l-penalty ta’ Darwin Nunez filwaqt li Goncalo Ramos poġġa lil PSG fil-vantagg. Mill-gdid Donnarumma protagonista din id-darba meta salva fuq Curtis Jones. Ousmane Dembele skorja t-tielet gowl għal PSG filwaqt li Desire Doue’ għalaq is-serje għal 4 – 1 b’Liverpool eliminati mill-kompetizzjoni.

Inter     2     Feyenoord    1

Ebda problema għaI Inter fi Stadio Giuseppe Meazza biex eliminaw lil Feyenoord b’aggregate ta’ 4 – 1

Wara biss 8 minuti Inter fil-vantaġġ permezz ta’ MARCUS THURAM li minn azzjoni ta’ Carlos Augusto għeleb lil Timon Wellenreuther. Fit-42 minuta l-iskor sar 1 – 1 . Foul ta’ Hakan Chalanoglu fuq Jakub Moder. Penalty għal Feyenoord bl-istess JAKUB MODER jegħleb lil Yann Sommer. Fil-51 minuta foul ta’ Thomas Beelen fuq Mehdi Taremi. Penalty għal Inter b’ HAKAN CALHANOGLU ma jfallix għat 2 – 1 .

Bayer Leverkusen   0              Bayern Munich   2

Żewġ gowls fit-tieni taqsima f’Bay Arena kienu biżżejjed għal Bayern Munich biex jikkonsolidaw posthom għar rawnd li jmiss u jgħaddu fuq aggregate ta’ 5 – 0

L-iskor kien 0 – 0 fi tmiem l-ewwel taqsima. Fit-52 minuta minn azzjoni ta’ Joshua Kimmich kien HARRY KANE li għeleb lil Lukasz Hradecky biex poġġa lil Bayern Munich fil-vantaġġ. Ebda reazzjoni minn Bayer Leverkusen l-aktar wara li Bayern irduppjaw permezz ta’ ALPHONSE DAVIES minn azzjoni ta’ Harry Kane. Skor ta’ 2 – 0 u li bih intemmet il-partita.