Lokali Parlament

Messaġġ b’saħħtu minn Bernard Grech qabel il-vot importanti tal-lejla

“Aħna nisimgħukom, nifhmukom u għalhekk se nkomplu naħdmu biex ikollkom ħajja aħjar”.

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività soċjali fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, fejn kompla joħroġ l-apprezzament tan-nies lejn il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista matul dawn l-aħħar snin.

Il-Kap tal-PN stqarr li dawk li attendew spjegawlu l-inkwiet tagħhom, ta’ wliedhom u tal-familja tagħhom… b’mod speċjali fejn tidħol l-għoli tal-ħajja u l-fatt li anke n-neputijiet tagħhom lanqas qed ilaħħqu sabiex irabbu l-familji tagħhom.

Hu spjega wkoll li huwa propju għal din ir-raġuni li l-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni, bi proposti biex itaffi l-piż tal-għoli tal-ħajja minn fuq il-familji Maltin u Għawdxin… proposti li l-Gvern Laburista qed jibqa’ jopponi.

Intant, huwa spjega wkoll li bosta huma inkwetati dwar il-liġi l-ġdida li se tkun qed tnaqqar id-drittijiet taċ-ċittadini – il-liġi tal-inkjesti maġisterjali. B’bosta jinsabu inkwetati dwar aktar aspetti li l-Gvern se jkun qed inaqqar mid-drittijiet taċ-ċittadini. Hu spjega li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li dejjem se jibqa’ jimbotta l-paċi, u għalhekk se jibqa’ jiddefendi lill-popli li huma vittma ta’ gwerra.

Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, li esprima ringrazzjament lil dawk kollha li kienu, u huma ta’ appoġġ għall-Partit Nazzjonalista; b’turija ċara ta’ dan tkun il-protesta li saret il-Ħadd li għadda – fejn il-poplu ħareġ u semma’ leħnu, mal-Partit Nazzjonalista.

Intant, huwa appella wkoll sabiex nhar il-Ħadd li ġej, il-poplu jkun ta’ sostenn għall-Partit Nazzjonalista u jingħaqad magħhom fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi li se tkun qed issir fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal Pietà.