Lokali Qorti

Mixli bi traffikar ta’ droga – fosthom b’rabta ma’ żewġ kilos minn Sqallija

Raġel li fil-Qorti qal li huwa self employed u li għandu problema kbira ta’ droga ġie mixli quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech bi traffikar ta’ droga kokaina. Allegatament Noel Farrugia residenti l-Imsida ġiegħel li tiġi mportata d-droga minn Sqallija permezz ta’ terzi, liema droga kienet tammonta għal madwar żewġ kilos. Huwa ġie mixli wkoll b’ħasil ta’ flus.

Huwa ġie mixli wkoll li kien fil-pusses ta’ droga, li nstabet f’tali ċirkostanzi li juru li ma kienitx għal użu esklussiv tiegħu. L-Ispettur Jonathan Pace qal lill-Qorti li nhar it-Tnejn li għadda huwa kien informat li kienet se ssir deal tad-droga ġewwa ż-Żejtun. Min ta l-informazzjoni qal lill-Pulizija li l-ammont li kien se jkun dak ta’ 250 gramma.

Pace qal li huwa ta l-ordni biex isegwu lill-akkużat fejn baqa’ jiġi jsegwit sa faċċata tas-Supermarket Lidl ġewwa Santa Venera. Fil-karozza nstabu 10 gramma f’pakkett issiġġillat bl-arja miġbuda.

L-Ispettur Pace qal li l-atteġġament tiegħu ma kienx wieħed faċli fejn fuqu nstabu wkoll xi pakketti ta’ eroina u kokaina għal użu personali tiegħu, u dan minħabba l-vizzju kbir li għandu fit-teħid tad-droga.

Il-prosekutur kompla jgħid li Noel Farrugia spiċċa ferm ma jiflaħx u ttieħed l-isptar Mater Dei u wara li ġie f’tiegħu huwa bagħat għall-avukat Franco Debono, u ddeċieda li jibqa’ silenzjuż. Minn informazzjoni jidher li min mar Sqallija, suppost kellu jmur għal għamara.

L-Avukat tiegħu Franco Debono li flimkien mal-Avukati Marion Cammileri u Adreanna Zammit għamel talba għall-pleġġ fejn qal li l-akkużat la kiser xi kundizzjoni tal-Qorti u lanqas huwa riċediv. Qal ukoll li l-provi huma diġa’ konservati.

Il-prosekuzjoni qalet li kienet qed toġġezzjona għall-pleġġ minħabba li l-każ għadu wieħed prematur u għad baqa’ xi xhieda pajżana li jridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom. Il-Qorti se tagħti deiżjoni fuq it-talba għall-pleġġ aktar tard. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Julian Scicluna mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Jonathan Pace