Sport Sport Ieħor

Nicky Gauci se jikkompeti fil-Mini Challenge ma’ JamSport Racing

Is-sewwieq Malti Nicky Gauci ħabbar l-Erbgħa filgħodu li se jkun qiegħed jieħu sehem fil-Mini Challenge UK bħala sewwieq uffiċjali ta’ JamSport Racing.

Din l-aħbar tasal wara li Gauci rebaħ scholarship ta’ JamSport Racing, dan ifisser li Gauci se jkun qiegħed jiġi ffinanzjat totalment mit-tim tiegħu.

Il-Mini Challenge UK hija waħda mill-iżjed tiġrijiet kompetittivi fir-Renju Unit, f’din it-tellieqa tintuża biss id-ditta ta’ karozzi Mini, u se sservi bħala opportunità tajba għal dawk is-sewwieqa li jixtiequ jkomplu jikbru fil-karriera tal-Motorsport.

Gauci stqarr li l-JamSport Racing Scholarship kienet esperjenza unika u intensiva għalih, fejn kellu jikkompeti kontra ħamsin sewwieq ieħor, f’żewġ postijiet differenti u fi tliet stadji differenti. Is-sewwieq Malti minkejja d-diffikultajiet kollha rnexxielu jispiċċa fl-ewwel post biex rebaħ din l-opportunità.