Opinjoni

OPINJONI: Il-Vuċi tan-Nies

mid-

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Għaddew ftit aktar minn 12-il sena minn meta Joseph Muscat wassal lil-Labour għal rebħa storika li fiha n-nies tkellmet bl-aktar mod qawwi favur il-bidla li riedet tara, rebħa li waslet wara tenura twila ta’ kważi 25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista.

Joseph Muscat, fis-snin ta’ qabel resaq għall-elezzjoni quddiem l-elettorat, beda jiġbor warajh lill-Maltin li mhux neċessarjament kienu tal-istess opinjoni politika Laburista. Elezzjoni hekk tintrebaħ, billi partit ewlieni jattira warajh eluf ta’ floating-voters li jagħmlu d-differenza bil-vot tagħhom.

Dik il-ħabta, Muscat kien jitkellem dwar moviment ġdid, għaqda politika li ma tarax kuluri, imma li tħares biss lejn id-direzzjoni l-ġdida li kellha taqbad Malta. Ftit li xejn konna nafu jew nistennew li r-rebħa ta’ Muscat fl-2013 kellha tagħti bidu għal sensiela ta’ skandli li bdew u ma waqfu qatt. Il-Gvern Laburista li rebaħ fl-2013, baqa’ mtebba’ u mnawwar bl-inkompetenza tal-governanza t-tajba u l-mankanzi fl-amminstrazzjoni, ta’ Muscat u mbagħad ta’ Abela, qegħdin ifallu lill-poplu Malti, kuljum.

Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna messet il-qiegħ

Mhuwiex l-interess tiegħi hawnhekk, li nelenka l-lista ta’ skandli li rajna matul dawn is-snin, madankollu lkoll naqblu li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna misset il-qiegħ u l-korruzzjoni mill-ogħla istituzzjonijiet laħqet livelli ġodda tant li għalihom qiegħed iħallas il-poplu Malti.

Id-deċiżjonijiet li ttieħdu biex Malta jkollha t-tkabbir ekonomiku wkoll qiegħed jinħass, għax għalkemm in-nies jidher li on-paper għandha aktar flus f’idejha, il-ħajja qiegħda titlef mill-kwalità u l-poplu Malti jidher li qiegħed jgħix ħajja dejjem aktar programmata u qisu robot, jgħaġġel u jiġri wara l-ħin.

Ix-xeni ta’ eluf ta’ nies li rajna jattendu għall-protesta li ssejħet mill-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd li għadda, jitkellmu waħedhom. Il-poplu kien imsejjaħ jipprotesta kontra Gvern li qiegħed ifalli kuljum, u l-poplu niżel fit-toroq għall-kenn tal-Partit Nazzjonalista li huwa s-soluzzjoni għal Malta u għal Għawdex. Huwa s-soluzzjoni mhux biss għaliex Robert Abela u l-Labour fallew, u mhumiex fit-tmun tal-Gvern, imma għaliex huwa l-partit li għandu s-soluzzjonijiet għall-problemi li ġab il-Gvern bid-deċiżjonijiet kollha ħżiena tiegħu.

Gvern li falla

Il-Gvern Laburista qiegħed ifalli lill-poplu Malti fil-governanza tajba, qabel kollox. Huwa evidenti biżżejjed li Robert Abela, bħalma qal u fisser tajjeb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, mhuwiex fil-kontroll tal-Gvern tiegħu stess, u allura mhuwiex f’pożizzjoni li jmexxi pajjiż. F’dan il-pajjiż spiċċajna ma nafux x’inhi l-governanza tajba, għaliex il-governanza l-Gvern idawwarha kif u meta jaqbel lilu.

Robert Abela se jibqa’ mfakkar, jekk għal xejn aktar, bħala l-Prim Ministru li jdawwar kull deċiżjoni li jkun ħa u jagħmel l-infamuża u-turn meta jara li qiegħed dahru mal-ħajt. Rajna dan iseħħ diversi drabi, b’mod partikolari meta ried jintroduċi l-abort baxx baxx, u mbagħad sab oppożizzjoni u reġa’ lura minn kelmtu.

Rajnieh jiġi kkalpestat quddiem il-poplu meta ma riedx jagħmel l-inkjesta pubblika wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, sakemm imbagħad ċeda għall-pressjoni. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Ministru jagħmlu li jridu, jiffangaw u jitħanżru bħalma qaltilna Rosianne Cutajar, u mbagħad ikunu maħfura.

Huwa insulenti li llum fil-Grupp Parlamentari Laburista hemm din l-istess Cutajar li bl-evidenza qalet li kulħadd qiegħed jitħanżer u allura jaqbel lilha li terda’ konsulenza li għaliha ma tagħmel xejn la għandha ċ-ċans. Il-Ministri jħossuhom untouchables, u dan qiegħed ikompli jagħtihom ir-riħ Abela għaliex il-governanza tajba għandha tifsiriet differenti għalih.

Poplu li qed ibati fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja

Il-Gvern qiegħed ifalli lill-poplu Malti fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja u kontra l-faqar soċjali. Illum għandna poplu li qiegħed ibati biex ilaħħaq mal-ħajja, imma Abela u l-Ministri tiegħu mdawrin b’nies li jaraw bħalhom, dak biss li jaqbel lilhom u qegħdin jinsew it-tbatijiet tal-poplu li jrid jaħdem minn filgħodu sa filgħaxija biex idawwar lira żejda għall-familja.

L-opportunitajiet ta’ xogħol forsi żdiedu, imma l-kompetizzjoni mal-barrani żdiedet ukoll, u llum il-Maltin jafu li l-barranin li jaħdmu bix-xejn (mingħajr trażżin tal-Gvern) qegħdin jieħdu ħafna mill-opportunitajiet tal-Maltin stess u jintalbu jaħdmu għal rati baxxi inkella ma jikkompetu qatt u mkien. Nafu llum li mhux kulħadd ‘sinjur żgħir’, imma kulħadd qiegħed jissielet biex jibqa’ għaddej. Is-sinjuri qegħdin Kastilja u mhux fuq il-postijiet tax-xogħol.

Fallejna fl-edukazzjoni wkoll

Fallejna wkoll fl-edukazzjoni, għaliex għandna pajjiż li miexi lura bħall-granċ fl-iżvilupp edukattiv. Pajjiżna qiegħed jara l-livell tal-edukazzjoni dejjem nieżel u mhux ilaħħaq mal-progress reġistrat li qed jaraw pajjiżi progessivi Ewropej.

Ir-rata ta’ żgħażagħ li ma jiksbux il-livell 3 tal-MQF fil-maġġoranza tas-suġġetti akkademiċi u vokazzjonali qiegħed jiżdied sewwa, u dan jidher ukoll fir-rapporti Ewropej li juru kif Malta mhix tavvanza. Ma hemmx għalfejn jindikawh ir-rapporti Ewropej, għaliex dawk kollha fil-professjoni tal-edukazzjoni jgħidulna li t-tfal mhumiex jibbenefikaw mill-edukazzjoni lokali u pajjiżna qiegħed jipproduċi ħafna tfal u żgħażagħ li mhumiex kapaċi jaħsbu, mhumiex kapaċi jkunu kreattivi, mhumiex kapaċi jirriċerkaw, ma għandhomx sabar jaqraw jew ma jużawx il-gadgets teknoloġiċi aktar minn sagħtejn.

Jekk il-Gvern qiegħed ifalli ma’ wliedna, allura qiegħed ifalli llum u qiegħed ifalli wkoll għada.

Qegħdin infallu fis-saħħa, mhux biss għaliex f’dan is-settur saret l-akbar serqa bil-barka tal-Gvern, imma għaliex għall-prezz li ħallas il-poplu Malti biex jitjieb is-servizz tas-saħħa spiċċa baqa’ bil-barumbara tal-ħamiem f’San Luqa minflok ma ħa dak li kien imwiegħed. Il-lista tal-kjuwijiet, għal liema appuntament hu, dejjem jiżdiedu, il-professjonisti jinsabu taħt pressjoni dejjem akbar u soluzzjonijiet prattiċi mhux naraw.

Inħarsu ’l quddiem

Sadanittant, Robert Abela jibqa’ jgħix fil-fantasija, f’utopja li mhi xejn utopja. Pajjiżna mhuwiex ġenna tal-art, imma pajjiżna huwa ferut. Għalhekk, irridu nibdew inħarsu ’l quddiem serjament biex nindirizzaw il-fallimenti li qegħdin ngħixu kuljum, u minbarra dawk li semmejt hawn fuq, hemm lista sħiħa li ma tintemm qatt u li tinkludi wkoll l-ambjent li qiegħed jinsteraq kuljum bil-barka tal-Gvern li ma jinteressahx minn għada diment li jsalva ġildtu fil-poter ta’ Kastilja.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 12 ta’ Marzu, 2025.