Opinjoni

OPINJONI: Mhux newtrali, le!

Quddiem l-uġigħ ta’ pajjiż li qed jiddefendi ruħu mill-aggressur b’saħħtu iktar minnu, ħadd ma għandu jibqa’ indifferenti
Il-mod kif il-Prim Ministru jibdel il-pożizzjoni tiegħu favur u kontra iktar investimenti fid-difiża mill-UE hu xhieda ta’ strateġija inkonsistenti u politika instabbli tal-Gvern Laburista

minn Dione Borg
Kandidat tal-PN fuq il-11-il Distrett Elettorali

Bejn pajjiż ġgant li jinvadi pajjiż ferm iżgħar għax jippretendi li jiddettalu l-politika u l-assoċjazzjonijiet tiegħu, jien m’iniex newtrali. Għalhekk nappoġġja lill-poplu Ukren quddiem l-invażjoni Russa.
Bejn poplu attakkat u maqtul b’kull mezz f’artu b’attakki mill-ajru b’eluf kbar ta’ innoċenti maqtula u bejn l-aggressur li jibqa’ joqtol għax b’saħħtu, jien m’iniex newtrali. Għalhekk nappoġġja l-poplu Palestinjan fl-attakki li jsiru minn Iżrael f’Gaża.
Bejn organizzazzjoni terroristika li twettaq attakki insensati fuq ċittadini innoċenti li jkunu qed jiddevertu jew jinsabu fi djarhom, jien m’iniex newtrali. Għalhekk nikkundanna l-attakki terroristiċi tal-Ħamas fuq ċittadini Iżraeljani.
Bejn dittatur li joqtol sitt miljuni f’kampijiet tal-konċentrament fit-Tieni Gwerra Dinjija u nies innoċenti Lhud, jien m’iniex newtrali. Għalhekk nikkundanna dak li wettaq Hitler fuq il-Lhud fil-kampijiet ta’ konċentrament.
Bejn l-okkupazzjoni ta’ pajjiżi Ewropej u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u t-terrur mis-Sovjetiċi fl-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija u d-demokrazija fil-pajjiżi tal-Punent, jien ma kontx newtrali. Għalhekk nappoġġja d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.
Għax in-newtralità hi xi ħaġa ħajja, trid issostniha biex tissaħħaħ. Bħal-libertà u d-demokrazija.

Hemm newtralità attiva u dik passiva
Min ikun newtrali bejn il-ħażin u t-tajjeb jew bejn l-aggressur u l-vittma jkun qed jiddisprezza r-ruħ u s-sinifikat tan-newtralità. Min jaġixxi b’dan il-mod ikun qed jaġevola lill-aggressur. Ikun qed jonqos dak il-politiku li għal raġunijiet jew alleanzi tiegħu jew bl-iskuża tan-newtralità ma jkollux il-kuraġġ iqum u jikkundanna l-ħażin; ikun qed jilgħab f’idejn l-aggressur.
In-newtralità passiva twassal biex pajjiż idawwar wiċċu quddiem l-inġustizzji li jkun għaddej minnhom poplu ieħor. Newtralità passiva tfisser li pajjiż jaħsel idejh mill-obbligi tiegħu lejn il-bniedem. Newtralità passiva hi nuqqas ta’ solidarjetà ma’ min ikun jeħtieġha.
Nemmen f’newtralità attiva li biha l-pajjiżi jkollhom l-awtonomija u s-sovranità ta’ poplu li jitkellmu b’vuċi qawwija favur id-demokrazija. Newtralità attiva tfisser li tkun favur poplu li ħadulu artu, qatlulu l-mijiet; tfisser azzjoni ta’ konvinzjoni mhux pożizzjoni ta’ konvenjenza. Newtralità attiva ma jkollhiex xkiel li jżommu pajjiż milli jitkellem u jaġixxi. In-newtralità ma żżommokx milli tieħu pożizzjoni favur is-sewwa.
Dak li għaddejja minnu l-Ewropa bħalissa bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna hu ta’ tħassib kbir. Ir-Russja u l-Ukrajna ma jistgħux jitpoġġew fl-istess keffa. Wieħed aggressur; l-ieħor qed jiddefendi artu u l-poplu tiegħu. Dan hu l-punt tat-tluq għal kull deċiżjoni jew pożizzjoni meħuda f’din l-invażjoni.

L-Ewropa kollha għandha tappoġġja lill-Ukrajna fid-difiża leġittima għall-art tagħha

Quddiem it-tbatijiet u l-weġgħat kontinwi tat-tfal innoċenti f’Gaża, kif tista’ tibqa’ ‘newtrali’?

Kulħadd għandu dritt jiddefendi pajjiżu
Id-difiża leġittima Ukrena ma tistax tkun kunsidrata bħala att ta’ gwerra. L-Ukreni għandhom dritt jiddefendu pajjiżhom. Kulħadd għandu dan id-dritt.
Ħadd ma jista’ jakkużahom li qed joħolqu gwerra għax jiddefendu lilhom infushom. Ma kinux huma li bdew l-invażjoni. Riedu biss jiddeċiedu li jissieħbu fin-NATO kif għamlu pajjiżi oħra. Deċiżjoni tagħhom. Għandhom dritt.
Iżda ħaddieħor iddeċieda għalihom u invadiehom. Quddiem din is-sitwazzjoni, l-għajnuna fid-difiża lill-Ukreni mill-UE kienet għalhekk att leġittimu ta’ solidarjetà.
Id-diplomazija u d-diskussjonijiet għall-paċi huma l-ideali biex ikunu evitati jew solvuti l-konflitti u għandhom ikunu l-għodod ewlenin għas-soluzzjonijiet. Iżda meta l-aggressur ma jkunx lest jagħmel dan, is-soluzzjoni biex l-aggressur jitwaqqaf hi d-difiża leġittima.
Dan hu dak li qed tagħmel l-UE. L-investiment fid-difiża ma jistax jitqies bħala att ta’ gwerra għax fil-verità mhuwiex. L-UE mhijiex issaħħaħ id-difiża biex tinvadi lil xi pajjiż iżda bħala difiża għall-popli tagħha f’eventwali attakk fuq pajjiż membru.
L-UE għandha dritt u obbligu tagħmel dan. Tkun qed tonqos jekk ma tagħmlux. L-UE għandha tkun b’saħħitha biżżejjed biex twettaq difiża għall-paċi.
L-UE propju twaqqfet biex tirrenja l-paċi u ma jsirux iktar gwerer fl-Ewropa; għalhekk gwerra tmur kontra l-prinċipji fundamentali tagħha. Biss, l-obbligi li tiddefendi lill-popli tagħha jibqgħu hemm.
Ir-realtajiet straordinarji li rajna fl-aħħar ġimgħat qed jibdlu x-xenarju politiku internazzjonali. Għall-UE, l-appoġġ lejn l-Ukreni hu proċess loġiku u naturali. Imma dan mhux kulħadd jifhmu.
Dan l-appoġġ hu mibni fuq is-sewwa u mhux fuq l-impożizzjoni. Is-soluzzjoni għal din l-invażjoni ma għandha qatt tkun li l-Ukreni jitilfu d-dinjità tagħhom u jkollhom jaċċettaw u jċedu territorji sħaħ.
Din ma tistax tkun is-soluzzjoni dejjiema għaliex toħloq reżistenza interna li f’xi mument tisplodi u toħloq kunflitti kbar oħra.

L-obbligu tal-UE għal difiża leġittima
L-Ukreni m’għandux ikollhom partijiet minn pajjiżhom maħkuma. Għalhekk is-soluzzjoni jew il-bidu għaliha għandha tkun li r-Russja tirtira mit-territorji li invadiet u li huma tal-Ukreni. Ħadd m’għandu jaċċetta li pajjiż jinvadi pajjiż ieħor u kollox jibqa’ għaddej qisu xejn.
Kien dan ix-xenarju internazzjonali mibdul li wassal lill-UE biex issaħħaħ id-difiża tagħha. Hu obbligu tagħha li tagħmel dan; din mhijiex aggressjoni jew investiment fil-gwerra iżda difiża leġittima. L-istess difiża li l-Istati Uniti għandha dritt ikollha biex tiddefendi lilha nnifisha minn xi aggressur futur.
Dan kollu qed tagħmlu l-UE b’rizultat tal-instabbiltà internazzjonali li nħolqot; kienet kostretta tieħu dawn id-deċiżjonijiet favur id-difiża tagħha.
Din il-kriżi tista’ timpatta anki l-investiment ekonomiku. Kulħadd irid jirrikonoxxi li t-tkabbir ekonomiku jista’ jseħħ biss bl-istabbiltà fis-sigurtà. Theddida ta’ gwerra weħidha wkoll iġġib problemi għal investiment ekonomiku aħseb u ara gwerra.

X’għandha tkun il-pożizzjoni ta’ Malta
F’dan ix-xenarju kollu Malta għandha twettaq politika ta’ newtralità attiva u tappoġġja l-pożizzjoni tal-UE favur id-difiża. Fuq kollox qed nittrattaw id-difiża tagħna wkoll.
Id-double game li qed jilgħab il-Prim Ministru meta f’Malta jitkellem mod u fl-UE jagħmel l-oppost hi logħba perikoluża.
Il-fatt li f’Malta l-Gvern Malti jpinġi lill-UE bħala entità favur il-gwerra u ma jkunx ġust fl-argumenti tiegħu dwar id-difiża u dwar l-iskopijiet veri tal-UE, hi żlealtà politika mal-Maltin.
Iżda fl-UE jaġixxi mod ieħor.
L-appoġġ tal-Gvern Malti għat-tisħiħ tad-difiża Ewropea hu l-akbar konferma ta’ kemm il-Gvern mhuwiex konsistenti u moħħu biss biex jilgħab il-logħba politika anki b’issue daqshekk delikata u importanti. Il-mod kif il-Prim Ministru jibdel il-pożizzjoni tiegħu favur u kontra iktar investimenti fid-difiża mill-UE hu xhieda ta’ strateġija inkonsistenti u politika instabbli tal-Gvern Laburista.
Fl-aħħar summit tal-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela seta’ vvota kontra l-programm ta’ difiża tal-UE, iżda minflok ivvota favur. F’Malta jitkellem mod, fl-UE jaġixxi mod ieħor.
Ftit ilu l-Prim Ministru indika wkoll li hemm bżonn diskussjonijiet dwar in-newtralità Maltija. Naqbel, il-PN ilu jgħidu dan għaliex in-newtralità ta’ Malta għandha tkun waħda effettiva fir-realtà politika internazzjonali tal-lum.
Il-kunċett tan-newtralità li ddaħħal bla diskussjoni ftit xhur qabel l-elezzjoni tal-1987 m’għadux jesprimi l-vera newtralità; jekk fil-verità qatt kien. In-newtralità bejn il-blokk Sovjetiku u l-Istati Uniti bħala ż-żewġ superpotenzi ta’ dak iż-żmien kienet imposta fil-Kostituzzjoni f’realtajiet politiċi diffiċli fl-1987. Il-poplu qatt ma esprima ruħu dwar x’newtralità jrid u t-termini tagħha.
In-newtralità jistħoqqilha dibattitu profond fuq il-merti tiegħu biss u mhux ikun marbut ma’ issues oħra li m’għandhomx x’jaqsmu kif għamel il-Gvern Laburista fl-1987.
Il-kredenzjali tal-Partit Laburista tul is-snin dwar in-newtralità ma jġorrux kredibbiltà. Fil-verità qatt ma emmnu f’newtralità reali, effettiva u ta’ azzjoni, tant li fil-passat, l-assoċjazzjonijiet tagħhom kienu mal-iktar pajjiżi Komunisti u ripressivi… Mill-Korea ta’ Fuq sar-Rumanija Komunista ta’ Ceaucescu. Din hi l-verità!
Aktar fil-viċin il-Partit Laburista kien isostni li bis-sħubija fl-UE, Malta kienet se titlef in-newtralità. Illum kulħadd jaf – anki l-PL stess – li dan mhuwiex minnu.

Ir-realtà tal-lum
Illum ir-realtà internazzjonali nbidlet, iżda ċerti argumenti li jsiru nħosshom li jixegħlu bozza ħamra. F’dawn il-mumenti straordinarji li se jbiddlu x-xenarju politiku internazzjonali nikkonfermaw dejjem iktar kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni li post Malta hu fl-Ewropa u li Malta ma setgħetx tibqa’ tixxejjer mar-riħ.
Fil-passat, fl-1980, fi żmien l-Eks Prim Ministru Mintoff, Malta diġà kellha esperjenza li fiha l-Libja waqqfitha milli tħaffer għaż-żejt fl-ibħra Maltin iżda mhux rikonoxxuti mil-Libja b’theddida ta’ użu tal-forza mil-Libjani u bl-użu ta’ vapur tal-Qawwiet Libjani fuq il-baħar fejn kien qed isir it-tħaffir. Dan seħħ meta Gaddafi u Mintoff kienu kunsidrati l-akbar ħbieb. Il-fatti huma li ħadd ma jista’ jafda, u tagħmel sew l-UE tinvesti fid-difiża biex tiggarantixxi l-paċi.
Is-sitwazzjoni preżenti u dak li qed iseħħ fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti jkomplu jikkonfermaw kemm post Malta dejjem kien fl-Ewropa, f’Unjoni Ewropea favur il-paċi li tkun b’saħħitha u lesta biex tiddefendi lill-popli tagħha meta, fejn u kif hemm bżonn.

Quddiem it-tbatijiet u l-weġgħat kontinwi tat-tfal innoċenti f’Gaża, kif tista’ tibqa’ ‘newtrali’?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 12 ta’ Marzu, 2025.