Lokali Qorti

Jingħata l-libertà proviżorja raġel akkużat li ta daqqa ta’ ponn lil ibnu

Raġel ta’ 58 sena li qed jiffaċċja akkużi li weġġa’ serjament lil ibnu wara li tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu, ingħata l-libertà proviżorja mill-Qorti l-Erbgħa waranofsinhar. Ir-raġel min-Naxxar ġie akkużat li weġġa’ gravi lil ibnu waqt argument li nqala’ nhar it-Tnejn filgħodu fil-Pjazza tal-Imġarr.

Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-paċi. Huwa mifhum li ibnu spiċċa b’xi punti f’wiċċu. L-akkużat tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi, filwaqt li argumenta li kien qed jiddefendi lilu nnifsu.

Il-Qorti laqgħet it-talba għal-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €5,000.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

L-Ispettur Audrey Micallef mexxiet il-prosekuzzjoni. Għall-akkużat dehru l-avukati Jason Grima, Kirsty Muscat u Oscar Gauci-Maistre.