Lokali

Sid ta’ gabbana jisfida l-awtoritajiet u jibqa’ jagħmel użu minn strutturi illegali f’Wied il-Għajn

Sorsi li tkellmu ma' NetNews spjegaw li Shawn Farrell jiftaħar li missieru għandu saħħa kbira f'Kastilja

Sid ta’ gabbana f’Wied il-Għajn, qed jisfida lill-awtoritajiet, billi jibqa’ ma jneħħix diversi strutturi illegali li għandu mad-dawra tal-gabbana biswit il-ġnien ta’ Sant Anna, f’Wied il-Għajn.

Fi storja żvelata mit-Times of Malta, ġie spjegat li Shawn Farrell, is-sid tat-Tiffany Kiosk, f’Wied il-Għajn, jippreferi jħallas multa ta’ kuljum milli jneħħi strutturi illegali.

Sempliċiment għaliex jemmen li għandu jkollu permess għall-istrutturi.

B’sorsi li tkellmu ma’ Net News jgħidu li Shawn Farrell, is-sid tal-gabbana; jiftaħar li missieru għandu saħħa kbira fil-kurituri ta’ Kastilja.

Is-sena l-oħra Shawn Farrell kien xeħet applikazzjoni sabiex ikollu diversi strutturi mad-dawra tal-gabbana tiegħu, bl-Awtorità tal-Ippjanar tiċħad din l-applikazzjoni f’Novembru li għadda għaliex dawn l-istrutturi jxekklu l-apparenza u anke l-karatteristiċi tal-akwata.

Iżda minkejja dan, Farrell qed jagħżel li jisfida l-awtoritajiet, billi jħalli dawn l-istrutturi fejn huma u għaldaqstant iħallas multa kuljum, għaliex – skont hu – għandu jkollu permess għaliex dawn “jistgħu jitneħħew f’jumejn”.

Intant, tkellmet ukoll l-għaqda non-governattiva, Marsascala Residents Network, li spjegat li l-illegalitajiet tal-gabbana ta’ Farrell ifisser li jiġi okkuppat ħafna spazju u għaldaqstant il-bankini mhux aċċessibbli mill-pubbliku.

Bit-Times tagħmel kuntatt ma’ Farrell, li qal li se jkun qed jerġa’ japplika għall-permess, fejn spjega li huwa jħallas multa kuljum sabiex iżomm dawn l-istrutturi kif inhuma.