Il-President tal-Istati Uniti, DonaldT Trump, bagħat ir-rappreżentanti tal-Gvern tiegħu lejn ir-Russja biex jiddiskutu l-proposti tal-Amerikani rigward waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna wara gwerra li ilha għal aktar minn tlett snin.
Trump qal, intant, li f’każ li r-Russja taqbel dwar il-waqfien mill-ġlied, il-proċess lejn it-tmiem tad-dmija fl-artijiet Ukreni għandu jitqies bħala ’80 fil-mija konkluż’.
Aktar qabel, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li t-taħditiet ta’ nhar it-Tlieta bejn ir-Rappreżentanti tiegħu u l-Uffiċjali Għoljin tal-Istati Uniti, ma ħallew l-ebda dubju li l-Gvern u l-poplu Ukren qed jistinka għall-paċi bis-serjetà wara tlett snin ta’ gwerra qalila mar-Russja.
U meta l-Istati Uniti qed tieħu kull inizjattiva biex twassal għal waqfien mill-ġlied fl-artijiet Ukreni, Zelensky qal li l-Ukreni mhumiex jilgħabu bil-kliem u li issa ‘il-ballun jinsab f’saqajn ir-Russja’….Dan fost l-istennija, fuq livell globali, għal kif ir-Russi għandhom iwieġbu għall-aħħar żviluppi relatati mal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.
Il-laqgħa tat-Tlieta, bejn ir-Rappreżentanti Ukreni u d-delegazzjoni Amerikana li inkludiet lis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, irriżultat fi qbil dwar waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna, effettiv għal 30 jum.
U l-President Zelensky, issa, qed jinsisti li ‘kollox, ‘il quddiem, jiddependi minn jekk ir-Russja – bħala l-aggressur f’din il-gwerra – tixtieqx tassew li l-kanuni jaqgħu siekta inkella jekk tridx tkompli fit-triq tad-dmija li qed tiswa l-ħajja tal-eluf tal-innoċenti’.
Fl-aħħar sigħat, il-kelliema għall-Gvern Russu indikaw biss li kellhom jistennew mingħand l-Amerikani biex ‘jaġġornaw ruħhom’ dwar is-sitwazzjoni….Dan qabel Moska kellha toħroġ b’kumment uffiċjali dwar il-proposti li qed jaqblu dwarhom l-Ukrajna u l-Istati Uniti.
Is-Segretarju tal-Istat Rubio qal li l-Gvern tiegħu, waqt il-kuntatti mar-Russi, kellu jispjega fid-dettall il-pjan għall-waqfien mill-ġlied. U fi stqarrija intiża biex titfa’ aktar pressjoni fuq ir-Russja, is-Segretarju tal-Istat sostna li l-gwerra fl-Ukrajna tista’ tispiċċa biss bis-saħħa tan-negozjati.
Marco Rubio kompla li l-aħjar xenarju, skont l-aspettativi, hu jekk ir-Russja tgħid ‘iva’ għal ftehim dwar waqfien mill-ġlied. Intant, jekk Moska tibqa’ twebbes rasha dwar il-gwerra, dan l-atteġġjament għandu juri biċ-ċar il-vera intenzjonijiet tal-Kremlin.
L-aħħar stqarrija minn Moska kienet li l-Gvern ta’ Putin kien qed ‘jistudja l-istqarrijiet’ – bil-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat ikomplu bl-attakki fuq l-ibliet tal-Ukrajna kif ukoll fuq il-port ta’ Odessa. Fl-istess ħi, il-qawwiet Russi qalu li rnexxielhom jaħtfu lura l-kontroll f’aktar inħawi ta’ Kursk – ir-reġjun tar-Russja fejn il-qawwiet Ukreni qegħdin jokkupaw diversi zoni.
Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky qed jaħseb li s-suċċess tat-taħditiet fl-Arabja Sawdija għandu jaħdem sew kontra r-Russja….Dan meta hu jemmen li l-Istati Uniti ‘għandha tieħu l-passi b’saħħithom kontra l-Kremlin’ f’każ li Putin u l-Gvern tiegħu ma jaqblux dwar il-ftehim propost għal waqfien mill-ġlied.
//= $special ?>