Lokali

18-il vittma f’sena waħda; żieda fl-imwiet relatati mal-kokaina

Kienu 18-il persuna li sfortunatament tilfu ħajjithom kaġun tad-droga matul is-sena 2023, u 13 minnhom kienu imwiet relatati ma’ abbuż ta’ kokaina.

Hija din is-sitwazzjoni f’pajjiżna li tkompli tikkonferma kemm l-użu tal-kokaina qiegħed jiżdied b’mod allarmanti; kif anke wriet fl-aħħar jiem investigazzjoni li saret mit-Times of Malta, u li spiċċat fil-mira ta’ kritika partiġjana.

Iżda fir-realtà… l-istatistika uffiċjali tal-Gvern, maħruġa din il-ġimgħa, turi kif filwaqt illi matul is-sena 2022 kienu ħamsa l-persuni li mietu kaġun tad-droga, is-sena ta’ wara dawn żdiedu għal 18 – fi kliem sempliċi, 13-il vittma aktar.

Fl-2023, kien hemm ħames imwiet relatati mal-użu tal-eroina, filwaqt li f’certu każi għadhom għaddejin l-investigazzjonijiet sabiex jistabbilixxu eżatt kif seħħew dawn l-imwiet.

Dan kollu ħareġ mir-rapport intitolat ‘The Drug Situation and Responses in Malta’, li wera kif il-maġġoranza tal-vittmi tad-droga kellhom ‘il fuq minn 40 sena.

Ġie stabbilit ukoll li l-ammont ta’ persuni li ttieħdu l-emerġenza b’rabta mal-abbuż tad-droga kien ta’ 1,226 – li huwa d-doppju tal-ammont li ttieħdu fl-2021.

Dan ir-rapport wera żieda fl-ammont ta’ persuni li qed ifittxu l-għajnuna b’rabta mal-vizzju tad-droga kokaina. Matul is-sena 2023 madwar 2,300 persuna fittxew l-għajnuna b’rabta mal-kokaina u d-dipendenza fuqha. Fil-fatt, dawk li fittxew trattament għad-dipendenza fuq il-kokaina ammontaw għal 41% u minn dan il-persentaġġ 68% irrikorew għal għajnuna iktar minn darba.  Jirriżulta wkoll li fost dawk li fittxew l-għajnuna 90% kienu Maltin.

Ir-rapport wera li l-purità tal-kokaina kienet ta’ 57% filwaqt li dik tal-eroina kompliet tinżel u tinsab fil-livel ta’  16%. Fatt li juri kemm qed isir taħlit anke fl-istess droga li jsir abbuż minnha.

Intant, filwaqt li l-fatalitajiet u l-emerġenzi relatati mad-droga komplew jiżdiedu, l-ammont ta’ nies li tressqu l-Qorti kompla jinżel.

Fl-2018 kien hemm 613 filwaqt li fl-2023 kien hemm biss 80, fejn il-maġġoranza tagħhom kienu relatati mat-traffikar tal-kokaina u l-ħaxixa. B’dan it-tnaqqis jista’ jkun dovut ukoll għat-tibdil fil-liġi tal-2021.

Ir-rapport jitfa’ dawl ukoll fuq liema droga nqabdet l-aktar mill-awtoritajiet fejn għal darb’oħra anka hawn iddominat il-kokaina. Matul is-sena nġabret madwar 493 kilogramma ta’ kokaina, segwita minn 154kg ta’ kannabis.