Sorsi mill-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista komplew joħorġu aktar informazzjoni sensittiva, din id-darba dwar il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari li saret aktar kmieni llum. Bil-leaks mil-Labour ikomplu jiżdiedu.
L-informazzjoni li waslet għand Net News tindika li fil-laqgħa tal-lum issemmiet it-tema tal-assi li għandu Robert Abela. Bil-Prim Ministru donnu qed jibqa’ jirreżisti li jitkellem dwar ċertu dħul – tant li qamet kwistjoni taħraq dwar id-dħul tal-mara tiegħu Lydia Abela.
Robert Abela u l-Ministri tiegħu għadhom sa issa ma ppreżentawx id-dikjarazzjonijiet tal-assi fil-Parlament. Dan minkejja li skont Robert Abela, id-dikjarazzjonijiet saru, u qedgħin għandu.
U issa, dejjem skont il-leaks minn ġewwa, din it-tema spiċċat anke issemmiet fil-laqgħa tal-lum tal-Grupp Parlamentari, fejn il-Prim Ministru ma dehrex li ħa gost jitkellem fuq id-dħul tal-koppja Abela.
Dan il-fatt kien konfermat lil Net News anke minn wieħed mill-aktar membri veterani tal-Grupp Parlamentari.
F’risposta li kien ta lil Net News f’Jannar li għadda, Abela qal biss li hemm deċiżjoni tal-Ispeaker. B’Anglu Farrugia jikkonferma fil-Parlament li d-dikjarazzjonijiet qatt ma ġew preżentati. U stqarr li m’hemmx dan l-obbligu. Iżda din kienet prassi li saret dejjem, u li tfisser trasparenza akbar.
Robert Abela għadu sa issa ma ppubblikax id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2023. U ħadd għadu ma jaf meta se jiġu ppreżentati fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Din l-informazzjoni hija essenzjali biex jinkixef l-abbuż ta’ poter u l-ġid li ma jistax jiġi spjegat u hija għodda kontra t-tixħim u forom oħra ta’ koruzzjoni.
Din hi l-iktar darba li d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Prim Ministru, tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari se jiġu ppreżentati tard fil-Parlament.
Fl-aħħar ġimgħat ġiet ukoll irrifjutata talba għal kopja ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet tal-assi – talba li saret mill-ġurnalisti indipendenti.
//= $special ?>