Lokali

Charles Bonello elett Segretarju Ġenerali ġdid tal-PN

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista jeleġġi lil Charles Bonello, u jrodd ħajr lil Michael Piccinino li serva f’dan ir-rwol mill-2021

F’laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN li saret illejla, Charles Bonello kien elett Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista eleġġa lil Bonello u fil-votazzjoni li saret huwa kiseb 84% tal-voti. Dan hekk kif kien hemm 56 vot li kien favur, 11-il vot li kien kontra, u tliet voti mitfugħa li kienu invalidi.

Charles Bonello preżentament jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista u Kunsillier Lokali f’isem il-PN fil-Fgura. Serva fi rwoli politiċi differenti fi żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fosthom bħala Segretarju Privat tal-Eks Prim Ministru u Eks Kap tal-PN Lawrence Gonzi. Ikkontesta wkoll l-elezzjoni ġenerali tal-2017 f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Huwa qed jieħu post Michael Piccinino li serva f’din il-kariga minn Lulju 2021 u f’Awwissu tas-sena l-oħra ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jħalli din il-kariga biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali. F’Diċembru li għadda, fil-fatt, kien approvat bħala kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista feraħ lil Charles Bonello għall-ħatra tiegħu waqt li radd ħajr lil Michael Piccinino tal-ħidma li wettaq matul l-aħħar erba’ snin.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech ukoll awgura lil Charles Bonello għall-ħidma li se jkun qed iwettaq u esprima l-fehma tiegħu li se jkompli jaħdem fejn ħalla Michael Piccinino biex bl-għajnuna tal-uffiċjali kollha tal-Partit Nazzjonalista, il-PN jibqa’ jiġġedded u jissaħħaħ biex joffri l-bidla li għandu bżonn pajjiżna.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo