Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs għal Somalu li stupra mara fi tmiem il-Karnival tan-Nadur

Somalu ta’ 38 sena ġie kkundannat erbgħa snin ħabs wara li nstab ħati mill-Maġistrat Jean Paul Grech li stupra, wara li mexa’ warajha waqt li kienet miexja lejn il-karozza tagħha kif spiċċa l-Karnival tan-Nadur. Il-vittma nħasdet hekk kif ir-raġel qabadha minn għonqha. Il-każ seħħ nhar is-Sibt 19 ta’ Frar ta’ sentejn ilu bejn it-3:00am u l-4:00am

Il-każ seħħ fi Frar tal-2023, meta fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, il-vittma marret għall-karozza tagħha li kienet ipparkjata fi Triq San Ġakbu, wara li spiċċa l-Karnival tan-Nadur. Mal-pulizija, l-vittma qalet li hekk kif waslet ħdejn il-kantuniera, persuna ta’ sess maskili u ta’ karnaġġjon skur mar fuqha u staqsieha fejn kienet il-vettura tagħha. Il-mara qaltlu biex jitlaq għax inkella kienet se ċċempel lill-Pulizija.

Għall-ewwel, il-mara ħasbet li kienet evitatu u baqgħet miexja iżda f’tebqa’ t’għajn ħasset illi r-raġel kien reġa’ mar warajha, qabadha minn għonqha u għafasha ma’ vann. Huwa beda jmissilha diversi partijiet ta’ ġisimha, qattgħalha t-‘tights’, għolla l-libsa u daħħal subgħajh u idejh fil-parti taghha.

Il-vittma bdiet tgħajjat kemm tiflaħ għal għajuna iżda s-Somalu għalqilha ħalqha b’idejh. Il-mara qalet li dak il-ħin għaddew xi nies mit-triq u r-raġel tella’ l-qalziet u ħarab jiġri minn fuq il-post. Is-Somalu residenti x-Xagħra, Għawdex, ġie arrestat, wara li l-vittma ddentifikatu meta saret ‘photo parade’ fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Għawdex u ntlemaħ ukoll f’filmati tal-cameras tas-sigurtà tal-akkwata.

Waqt il-kumpilazzjoni tal-provi, tabib mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex xehed li xi ħadd kien prova jistupra lill-mara. Qal li l-pazjenta kellha nefħa wkoll fuq imneħirha u ferita fuq moħħha. Dejta mill-mobajl tal-imputat immarkat li kien qiegħed fir-raħal tan-Nadur, fl-akkwata fejn seħħet l-aggressjoni.

Dwar il-piena, il-Qorti ikkunsidrat li minkejja li l-akkużat m’għandux fedina penali ħoxna, dan kien każ fejn mara li kienet għaddejja weħidha għall-affari tagħha, sfat attakkata mill-imputat li jidher li għamel l-arja magħha għax sabha weħidha.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistart Jean Paul Grech qal li rriżulta, li l-mara kellha bżonn għajnuna psikoloġika minħabba t-trawma li soffriet riżultat ta’ din l-aggressjoni. Għalhekk, Il-Qorti sabet lis-Somalu ħati u kkundannatu erba’ snin ħabs effettivi filwaqt li ordnatlu jħallas lill-vittma €5,000 bħala kumpens għall-ħsara psikoloġika li saret lill-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Josef Gauci flimkien mal-Avukat Angele Vella mill-uffiju tal-Avukat Ġenerali. Għal vittma, dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.