Eżaminatur tas-sewqan qal lill-Qorti kif ħassu “psikosoċjalment ippressat” meta l-kap tiegħu waqaf jagħtih opportunitajiet ta’ xogħol wara li rrifjuta li jwettaq ħidmiet li ma qabilx magħhom. Charles Lia qal li s-superjur tiegħu, Clint Mansueto, talbu biex jagħmel test tas-sewqan għal mara Taljana li kellha karta tal-identità skaduta, u biex jagħmel test tas-sewqan permezz ta’ vettura kbira mingħajr ma kellha dwal jaħdmu.
Lia kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fil-proċeduri kontra l-eks direttur ta’ Transport Malta Clint Mansueto u tnejn mill-eks ħaddiema kollegi tiegħu, Raul Antonio Pace u Philip Endrick Zammit.
Huma jinsabu akkużati li mexxew racket biex jiżguraw kandidati speċifiċi jiksbu l-liċenzji tas-sewqan tagħhom, li allegatament qalu lill-għalliema biex “jieħdu ħsieb” kandidati mmarkati minn “xi ministeru jew minn Kastilja”.
It-tlieta jiċħdu l-akkużi. Mansueto ġie sospiż mir-rwol tiegħu bħala direttur fid-Direttorat tat-Trasport bl-Art – diviżjoni ta’ TM – f’Awwissu 2023. Fix-xhieda tiegħu, Lia spjega li beda jaħdem bħala eżaminatur tas-sewqan fl-2006.
Matul iż-żmien meta Mansueto kien is-superjur tiegħu, Mansueto talbu jwettaq affarijiet li ma qabilx magħhom. F’okkażjoni minnhom, qal, Mansueto talbu jagħmel eżami tas-sewqan, għall-użu ta’ vettura ta’ ċertu piż.
Madankollu l-vettura li kellha tintuża għall-eżami ma kellhiex dwal tal-brejkijiet, indikaturi u dwal tar-reverse li jaħdmu. Sid ta’ skola tas-sewqan partikolari sejjaħ lil Mansueto, li għamillu pressjoni biex jagħmel it-test – iżda dan irrifjuta.
F’okkażjoni oħra, qal Lia, Manseuto talbu jagħmel eżami għal mara Taljana li l-karta tal-identità tagħha kienet skaduta, u li qallu li ma kellha l-ebda intenzjoni li ġġeddidha. Huwa rrifjuta. Wara dawk l-inċidenti beda jitwarrab, ma baqax jingħata opportunitajiet biex jaħdem sahra u jaqdi dmirijiet addizzjonali li kien kompetenti li jwettaq.
Qal li Mansueto qatt ma tah raġuni. Madankollu, huwa jemmen li dan kien minħabba li ma kienx ibaxxi rasu għal dak li kien jordnalu. “Naħseb li għax ma segwejtx dak li ġie impost fuqi,” huwa qal, u żied, li kompla jiġġieled għal xogħlu.
“Psikoloġikament, ma kontx l-istess. Tlabt l-għajnuna u ħabbat il-bibien tas-superjur tiegħi imma ma wasalt imkien. Mort ukoll f’diversi ministeri u tlabt l-għajnuna, imbagħad mort f’union biex tiddefendini. Tlaqt fl-2019 biex insir ħaddiem tal-port peress li ma stajtx niflaħ aktar,” qal ix-xhud.
Tenna li kien irritorna fl-impieg fl-2023.
L-avukati Joseph Giglio, Arthur Azzopardi u Herman Mula qed jirrappreżentaw lill-akkużati. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Abigail Caruana Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur tal-Pulizija Wayne Borg.
//= $special ?>