Lokali

Ir-recordings miċ-Ċentru Nazzjonali joħolqu inkwiet kbir fil-qalba tal-Labour – aktar leaks fis-sigħat li ġejjin

Il-leaks miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista dwar il-Ministeru ta’ Clifton Grima ħolqu sitwazzjoni tbaqbaq sew fil-qalba tal-Labour. Bil-klikek varji jispiċċaw iduru għal xulxin.

Fil-fatt, ir-recordings tal-Eks Chief of Staff ta’ Clifton Grima, Ryan Borg, tefgħu lill-Partit Laburista f’inkwiet kbir. Tant li ħadd ma jista’ jifhem kif waslu għand Net News – u kif l-Eks Chief of Staff spiċċa jiddikjara li l-Ministru Clifton Grima m’għandux ikun Ministru.

Ir-rabja kibret fl-aħħar sigħat minħabba l-fatt li l-kritika lejn il-Ministru tal-Edukazzjoni ġejja minn persuna li għadu sal-lum kunsillier f’Tas-Sliema f’isem il-Labour.

Fuq quddiem nett tal-attakki fuq Ryan Borg, kien hemm l-esponent Laburista Karl Stagno Navarra li nfexx f’attakk bla preċedent fuq dan il-kunsillier Laburista. Tant li wasal biex qallu li l-Ministru għamel sew li keċċih.

Stagno Navarra attakka anke lit-Times għaliex ġabet din l-istorja, u qal li ċempel direttament lill-kunsillier Laburista biex ikellmu fuq affarijiet sensittivi. Dan filwaqt li iddeskrivih bħala persuna li “jipprova jirbaħ dejjem hu”.

Dak li ġie żvelat minn Net News

“Jekk mhux jinduna li għandu l-problemi madwaru, il-Minsitru Clifton Grima mhux postu hemm. It’s a recipe for disaster.” Hekk qal Ryan Borg f’recordings li ġew leaked miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u li waslu għand Net News – recordings li jixhdu l-istat li preżentament qed jitmexxa bih il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Isport taħt il-Ministru Grima.

F’dan l-awdjo leaked mill-kurituri tal-Labour jinstema’ kif il-ħaddiema fis-Segretarjat tal-Ministru Grima ftit li xejn issibhom f’posthom u agħar minn hekk attakka liċ-Chief of Staff tal-Ministru, fejn saħansitra qal li dan tal-aħħar ma jafx jikteb.

“Iċ-Chief of Staff tal-Ministru Grima lanqas jaf jikteb”.

Borg ikompli jgħid li Clifton Grima ma jridx nies madwaru li huma kwalifikati imma yes man biss biex iħalluh jagħmel u jiddeċiedi li jrid.

Intant, fis-sigħat li ġejjin, Net News se jkun qed jiżvela aktar leaks u recordings oriġinali li waslu għandna.