Lokali

“Irridu nindirizzaw l-isfidi infrastrutturali” – Il-Kamra tal-Kummerċ

EY Malta, b’kollaborazzjoni mal-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry u Times of Malta, organizzaw l-avveniment ‘Build and Share: Sustaining Malta’s Growth’ immirat għal diskussjoni fuq oqfsa regolatorji u mudelli innovattivi li huma essenzjali għat-twassil ta’ proġetti infrastrutturali varji.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, Chris Vassallo Cesareo, President ta’ The Malta Chamber, qal li s-sostenibbiltà trid tkun fil-qalba tal-viżjoni, u dan jinkludi anke l-ippjanar urban.

L-ippjanar urban jibbilanċja l-użu tal-art u t-trasport, dan sabiex tkun tista’ ssostni aħjar tkabbir ekonomiku sostenibbli filwaqt li jiġi ppreservat il-wirt naturali, kulturali u storiku.

Ronald Attard, Country Managing Partner ta’ EY Malta nnota li s-settur privat għandu rwol kruċjali x’jaqdi fil-finanzjament tal-bżonnijiet tal-infrastruttura tagħna.

Hu saħaq li huwa imperattiv li nużaw modi diversi sabiex nattiraw investiment privat, inklużi soluzzjonijiet ta’ finanzjament ġodda u innovattiv

Tkellem ukoll Lawrence Walsh, Kap tal-Uffiċċju tal-Grupp tal-BEI f’Malta, u saħaq li l-BEI diġà ffinanzja għadd ta’ proġetti infrastrutturali f’Malta, u jista’ jipprovdi għażliet varji, inkluż makkinarju u teknoloġiji avvanzati sabiex dejjem aktar tissaħħaħ il-ħidma infrastrutturali.

Waqt preżentazzjoni konġunta mogħtija minn Chris Meilak u Gilbert Guillaumier, li huma msieħba f’EY Malta, iddikjaraw li l-infrastruttura hija s-sinsla ta’ kull ekonomija. Meilak żied jgħid li l-infrastruttura ssostni l-ħajja tagħna ta’ kuljum, tmexxi t-tkabbir ekonomiku, u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna.

Hu kompla jgħid li l-effetti ta’ dan it-tkabbir ekonomiku u tal-popolazzjoni huma profondi, tant li qed naraw żidiet kbar fid-domanda u l-konsum f’diversi setturi, li jpoġġu pressjoni sinifikanti fuq l-infrastruttura tagħna. Piż fuq l-infrastruttura li jrid jiġi kkontrollat għaliex kroll ikun ta’ ħsara kbira.

Dr Marthese Portelli, CEO tal-Malta Chamber, saħqet li madwarna hemm sfidi ta’ infrastruttura, kummerċ u l-konġestjonijiet varji li rridu negħlbu. Hi kompliet tisħaq fuq investiment b’saħħtu fl-infrastruttura sabiex l-ekonomija ta’ Malta tibqa’ għaddejja – bil-kompettitività tkompli tirrenja sabiex iktar investituri jkomplu jinvestu.

Din id-diskussjoni ġiet mmexxija mill-Editur tat-Times of Malta, Mark Laurence Zammit.