Ir-Russja tista’ tkun disposta biex taċċetta ftehim temporanju għal waqfien mill-ġlied mal-Ukrajna wara tlett snin ta’ gwerra diżastruża. …Madankollu, il-President Vladimir Putin qal li hemm diversi kunsiderazzjonijiet sakemm il-ftehim ikun possibbli u meta l-partijiet kollha għandhom jinsistu lejn forma ta’ paċi għat-tul taż-żmien aktar milli fuq livell temporanju
Il-President Putin, madankollu, ta l-aktar indikazzjoni ċara li pajjiżu jista’ jinsab favur ftehim għal waqfien mill-ġlied fl-artijiet Ukeni…Ftehim li għandu jkun validu għal 30 jum u meta Moska anki qed twissi biċ-ċar dwar ‘l-ostakoli li fadal’ kif ukoll dwar diversi fatturi oħra li kapaċi jostakolaw paċi dejjiema fir-reġjun.
Vladimir Putin, waqt konferenza tal-aħbarijiet, irringrazzja lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump għall-impenji tiegħu biex iwaqqaf din il-gwerra. Madankollu hu sostna li għalkemm Moska taqbel ma’ dawn l-impenji, l-aktar ħaġa importanti hu li l-partijiet interessati jaċċertaw li ma jsir xejn fil-futur li jista’ iwassal għall-ostilitajiet ġodda.
Dan meta hemm stennija madwar id-dinja għall-mod kif l-Istati Uniti setgħet tinterpreta l-kummenti ta’ Putin.
Intant, il-Mexxej Russu wissa wkoll dwar il-ħtieġa li jitneħħew il-kawżi persistenti li wasslu ‘għal din il-kriżi’ waqt li sostna li l-Ukrajna messha persistiet aktar fit-talbiet lill-Istati Uniti biex issir laqgħa li tindirizza d-diversi fatturi tal-gwerra.
Fl-istess ħin, il-President Russu tenna l-ħtieġa li pajjiżu jkompli jinnegozja mal-Istati Uniti sakemm is-sitwazzjoni taqleb għall-aħjar.
Il-Gvern Ukren jiem ilu kien qabel mal-kriterji tal- pjan għall-paċi imfassal mill-Istati Uniti u fost l-indikazzjonijiet li r-Russja kienet għadha determinata biex, għalissa, tkompli bil-gwerra fl-Ukrajna.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, fl-aħħar sigħat, tenna mill-ġdid li l-Ukrajna tinsab determinata biex il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied ikun implimentat mill-aktar fis. Dan meta Putin, fl-aħħar sigħat kien involut f’laqgħat, f’Moska, mal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, li qed jippermetti li pajjiżu jservi bħala bażi ta’ Moska matul din il-gwerra.
//= $special ?>