“Taħlita ta’ emozzjonijiet… inħossni sodisfatt li mexxejna l-PN ‘il quddiem”
Sostna dan Michael Piccinino meta kien intervistat għall-aħħar darba bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fuq l-istazzjon Net FM.
Michael Piccinino saħaq li f’din l-aħħar ġurnata qed iħoss taħlita ta’ emozzjonijiet – minn emozzjonijiet ta’ dieqa għaliex ser jagħlaq kapitlu sabiħ, sa emozzjonijiet ta’ sodisfazzjon għall-passi kbar li għamel il-PN ‘il quddiem.
Hu saħaq li l-Partit Nazzjonalista matul is-snin kemm dam fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali kompla jersaq aktar viċin in-nies – tant li anke fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda il-PN ġab riżultati sodisfaċenti mmens, kemm fl-elezzjonijiet tal-MEPs u kemm dawk tal-Kunsilli Lokali.
Michael Piccinino fakkar ukoll kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija ffukata kif ser issolvi l-problemi varji tan-nies – tant li anke qed tressaq mozzjonijiet importanti fil-Parlament, fosthom dik tal-għoli tal-ħajja.
Dan għaliex il-Gvern nesa għal kollox l-interessi tal-poplu, bil-Labour iktar moħħu kif ser idaħħal il-liġi li tirrestrinġi ċittadin privat minn proċess ta’ ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali milli kif ser isolvi l-kriżijiet li hawn fil-pajjiż.
Michael Piccinino għalaq billi rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu miegħu matul dawn it-tliet snin u 8 xhur li għamel bħala Segretarju Ġenerali tal-PN – filwaqt li sellem ukoll il-memorja tal-mikbi Karl Gouder.
Michael Piccinino awgura wkoll lil Charles Bonello. Hu saħaq li Charles Bonello ser jaħdem ta’ kuljum sabiex jara li l-aspettativi tal-poplu jintlaħqu dejjem filwaqt li sostna li ser jibqa’ jgħożż il-fatt li kellu ċ-ċans iservi Partit ta’ storja kbira – storja ta’ nies b’valuri sodi li dejjem raw kif ser isaħħu lil Malta u Għawdex.
//= $special ?>