Eskalat sew il-Gwerra tat-Tariffi li beda l-President Amerikan Donald Trump u meta Trump, issa, qed jhedded taxxa ta’ 200 fil-mija fuq l-alkoħol li jipproduċu l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-prodotti jinkludu l-imbejjed, ix-xampanja u tipi ta’ whisky esportati mill-Ewropa.
It-tariffa partikulari, skont Donald Trump, għandha tkun imposta ‘mingħajr aktar diskors’ dment li l-Istati tal-Ewropa ma jirtirawx it-tariffi fir-rigward tal-bourbon whisky li tipproduċi l-Istati Uniti.
Il-Gwerra tat-Tariffi, intant, assumiet element globali, speċjalment wara li Trump impona taxxi ta’ 25 fil-mija għall-prodotti kollha tal-azzar u l-aluminju li jidħlu l-Istati Uniti.
Intant, l-Unjoni Ewropea rreaġixxiet bi stqarrija li se żżid il-levies għall-ekwivalenti ta’ €26 biljun ta’ prodotti mill-Istati Uniti – fosthom id-dgħajjes, il-buorbon whisky u l-muturi. Pass li għandu jsir effettiv mill-Ewwel ta’ April.
It-tariffi jiffurmaw il-bażi tal-viżjoni ekonomika ta’ Trump u meta l-President Amerikan qed jittama li t-taxxi inkwistjoni jistimolaw il-qasam tal-manifattura fl-Istati Uniti minbarra li jservu wkoll bħala ‘protezzjoni għall-impjegi tal-Amerikani’.
Iżda l-pass – li jinkwadra fil-politika ‘America First’ ta’ Trump – hu wkoll kontroprodottiv mill-aspett tal-inflazzjoni minħabba li t-tariffi bilfors iridu jwasslu għal prezzijiet ogħla fl-Istati Uniti u li minnhom se jbati direttament il-konsumatur Amerikan.
Għaldaqstant, it-tariffi huma taxxi imposti fuq il-prodotti li pajjiż jimporta minn pajjiżi oħra u meta l-kumpanniji li jdaħħlu dawn il-prodotti jħallsu dawn it-taxxi direttament lill-Gvern ta’ pajjiżhom.
Urtat dwar it-tariffi għall-bourbon
Il-miżura tal-UE rigward l-importazzjoni tal-bourbon irrabjat bil-kbir lil Trump, minħabba li l-esportazzjoni tal-alkoħol mill-Istati Uniti tiswa l-biljuni tal-ewro lill-kumpanniji u produturi lokali. B’hekk kwalunkwe tariffi fuq l-alkoħol li jipproduċu l-Amerikani għandhom iħallu impatt qawwi ħafna għas-suq fl-Istati Uniti.
U waqt li ħafna Amerikani huma mħassbin dwar ‘sa fejn se tasal il-Gwerra tat-Tariffi’. Donald Trump bagħat messaġġ fuq il-midja soċjali fejn sostna li ‘l-poplu fl-Istati Uniti m’għandux jinkwieta dwar il-politika tal-Gvern tiegħu’ – u fost stqarrija li ‘l-Istati Uniti se toħroġ rebbieħa anki minn din il-kwistjoni’.
Il-messaġġ ta’ Trump kien partikularment kritiku għall-Unjoni Ewreopea u l-Wall Street Journal li qed jopponi għall-politika ekonomika ta’ Washington u fejn il-President insista li ‘bħalissa deħlin flus kbar fl-Istati Uniti grazzi għat-tariffi imposti minnu’.
U f’messaġġ ieħor, Donald Trump saħaq li ‘l-Istati Uniti m’għandhiex suq ħieles iżda qed tbati minn sitwazzjoni fejn id-dinja kollha qed tapprofitta għall-ispejjeż tal-Amerikani’.
Sadanittant – u filwaqt li l-aħbarijiet qed jikkonċentraw fuq l-impożizzjoni tat-tariffi mill-Istati Uniti u l-UE – il-Kanada wkoll qed twassal messaġġ lil Donald Trump fis-sens li ‘dak li tiżra taħsad’. Dan meta l-Kanadiżi qed jippjanaw aktar tariffi fir-rigward tal-alkoħol li tipproduċi l-Istati Uniti u wara li implimentat it-taxxi addizzjonali għall-bourbon bi tweġiba għat-taxxi ta’ Trump fuq il-prodotti tal-Kanada.
U fl-aħħar sigħat, il-ħwienet fil-Kanada kienu qed ineħħu kwantitajiet kbar tal-alkoħol prodott fl-Istati Uniti minfuq l-ixkafef bħala parti minn politika ta’ ritaljazzjoni li mistennija tkompli għat-tul taż-żmien.
//= $special ?>