Żewġ nassaba ġew ikkundannati b’sentenza ta’ libertà kkundizzjonata għal sena wara li nstabu ħatja li tliet snin ilu qrib il-Magħtab, ħebbew u darbu ħafif żewġ membri tal-istaff ta’ BirdLife Malta.
L-inċident involva aggressjoni bla provokazzjoni, meta tim ta’ BirdLife Malta, li kien miexi fi triq pubblika ħdejn ‘boatyard’ fil-Magħtab, ġie segwit u aggredit minn missier u ibnu. It-tim ta’ BirdLife Malta kien qiegħed fl-akwati jirrapporta nsib illegali fl-Għallis, rapport li l-Pulizija kienu rrispondew għalih.
X’ħin it-tim kien sejjer lura lejn il-vettura tiegħu bil-mixi, żewġt irġiel ħarġu mill-‘boatyard’, bdew joffendu lill-istaff ta’ BirdLife Malta u bdew jiffilmjawhom. Kien f’dak il-mument, li membru tat-tim bdiet tirrekordja l-inċident għas-sigurtà tat-tim. Meta ra dan, wieħed min-nassaba qabad membru tat-tim, ipprova jaħtfilha l-mobile u darabha ħafif fil-proċess.
Ibnu dar fuq il-membru l-ieħor tat-tim, imbuttaha ma’ ħajt tas-sejjieħ u pprova jagħtiha daqqa ta’ ponn u kkaġunalha ġrieħi ħfief ukoll.
L-inċident ġie rrappurtat l-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar, bl-evidenza li inkludiet ċertifikati mediċi taż-żewġ membri tal-istaff midruba, kif ukoll ritratti mill-post tal-aggressjoni. Fis-sentenza tagħha lbieraħ, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabet liż-żewġt irġiel ħatja li darbu ħafif lit-tim.
Madankollu, il-Qorti illiberathom mill-akkużi relatati mal-imbuttar, l-abbuż verbali u t-theddid, peress li l-Pulizija Eżekuttiva naqset milli tipprovdi evidenza li l-aggressuri ġew infurmati kif suppost fi żmien it-tliet xhur stabbiliti bil-liġi. Għaldaqstant, dawn l-akkużi tqiesu bħala preskritti.
Joseph Grech u Carmel Grech ingħataw sentenza ta’ libertà kkundizzjonata għal sena.
B’reazzjoni għas-sentenza, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “BirdLife Malta hija familjari mal-liġijiet u r-regolamenti, u aħna nżommu magħhom b’mod strett, flimkien mal-protokolli interni tagħna maħsuba biex jipproteġu l-benesseri tal-membri tat-tim tagħna fuq il-post. L–inqas li nistennew huwa kooperazzjoni sħiħa mill-Pulizija meta jseħħu dawn l-inċidenti sabiex issir ġustizzja. In-nuqqas ta’ evidenza li l-aggressuri ġew infurmati fil-ħin ippermettilhom jevitaw il-konsegwenzi kollha ta’ għemilhom. Se tintbagħat ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar din il–kwistjoni.”
BirdLife Malta tirringrazzja lil Stephen Tonna Lowell u Ana Thomas, li dehru għall-parte civile f’dan il-każ.
//= $special ?>