Opinjoni

Opinjoni: Gvern ta’ suċċessi bla limiti

Robert Abela f’Malta jgħid u jagħmel mod u meta jkun barra jgħid u jagħmel mod ieħor
Forsi qed tgħid bejnek u bejn ruħek aħniex qed ngħixuf l-istess pajjiż? Forsi qed taħseb li qed nikteb fuq xi Robert Abela ieħor jew xi pajjiż ieħor!

minn Angelo Micallef

Kif tista’ ma tfaħħarx il-Gvern ta’ Robert Abela? Kif tista’ ma tkunx impressjonat b’kemm kollox sejjer ward u żahar u b’kemm pajjiżna qed ikompli jikseb suċċess wara l-ieħor? Litteralment tħares fejn tħares ħlief stejjer ta’ suċċess ma’ ssibx f’pajjiżna. Kull qasam u kull aspett huwa xhieda ta’ pajjiż li għandu l-aħjar livell ta’ tmexxija li jista’ jkollu.

Jekk tidħol sigurtà tal-pajjiż; sitwazzjoni perfetta. Kieku qatt tisma’ stejjer li jservu biss biex ikexkxuk fuq kemm il-livell ta’ sigurtà f’pajjiżna qegħda f’sitwazzjoni perfetta.

Stejjer ta’ serq ukoll saru xi ħaġa tal-passat li ma tisma’ qatt bihom. U xi ngħidu għall-Pulizija; tmexxija li tgawdi l-fiduċja tal-poplu kollu u fejn qatt ma jkun hemm dubji u mistoqsijiet espressi fl-ogħla livelli. L-għases f’pajjiżna kollha miftuħin lejl u nhar, u kulħadd għalhekk iħossu sikur u protett.

Imbagħad xi ngħidu għall-ambjent? Jekk il-kwalità tal-arja, l-aqwa fl-Ewropa… l-ewwel fil-lista, basta taqleb il-lista ta’ taħt fuq! U l-baħar, mela xi ħadd qatt sema’ li f’pajjiżna jkollna xi żbroff ta’ drenaġġ fil-baħar! Imbagħad hemm is-sitwazzjoni tat-traffiku; it-toroq ta’ pajjiżna mhumiex bħalma xi darba kienu, il-ħin kollu bit-traffiku, mill-Mellieħa sa Marsaxlokk, mit-Tnejn sal-Ħadd, minn filgħodu sa filgħaxija. Kieku qatt tisma’ b’xi stejjer ta’ traffiku fuq livell nazzjonali!

Anki fuq livell internazzjonali għandna Prim Ministru li dejjem u f’kull mument ‘joħroġna ta’ nies’. Konsistenti u jgħid u jagħmel l-istess. X’differenza milli kieku għandna xi prim ministru li pereżempju xahar ilu jgħidilna li għandna bżonn niftħu mill-ġdid id-diskussjoni fuq in-newtralità u nsaħħu d-difiża ta’ pajjiżna; imbagħad imur Brussell u jivvota favur il-programm ta’ difiża msaħħaħ propost mill-Kummissjoni Ewropea imma jiġi Malta u jgħid li tali programm huwa ħmerija u pajjiżna ma jista qatt jappoġġja tali programm għax aħna newtrali!

U xi ngħidu għall-Ukrajna; Prim Ministru konsistenti li dejjem saħaq fuq li pajjiżna jemmen fis-saltna tad-dritt mhux prim ministru li jgħid li jemmen fis-saltna tad-dritt imma mbagħad irid lill-Ukrajna ċċedi għal kollox għal aggressjoni li tmur kontra kull sens tas-saltna tad-dritt.

Imbagħad, ovvjament hemm l-għoli tal-ħajja. Tant ilu ma jkun problema li kważi kważi trid dizzjunarju biex tiftakar xi tfisser il-frażi għoli tal-ħajja. Dan kollu grazzi għall-fatt li għandna Gvern li qabad il-barri minn qrunu u indirizza l-problema ‘head on’ bl-aktar mod meqjus u kkalkulat. X’ma jkollniex sitwazzjoni fejn il-kelma faqar sparrixiet mid-dizjunarju Malti. Kulħadd ifur bil-flus u jixrob ix-xampanja kuljum.

Forsi qed tgħid bejnek u bejn ruħek aħniex qed ngħixu l-istess pajjiż? Forsi qed taħseb li qed nikteb fuq xi Robert Abela ieħor jew xi pajjiż ieħor. Tabilħaqq le; jekk isegwi biss it-TVM u l-ONE tassew li hekk tispiċċa temmen, jiġifieri li pajjiżna huwa xi ġenna, u fejn kollox sejjer tajjeb u fantastiku u fejn l-unika problema huma dawk li huma kritiċi tal-Gvern.

Ir-realtà hija differenti

Ir-realtà hija għalkollox differenti. Mhux ta’ b’xejn kienu daqstant dawk li wieġbu s-sejħa tal-Partit Nazzjonalista l-Ħadd li għadda u li ngħaqdu bħala poplu wieħed fi Triq ir-Repubblika.

Mhux ta’ b’xejn li nhar il-Ħadd li ġej se jkunu ħafna dawk li se jwieġbu s-sejħa tal-Partit Nazzjonalista waqt il-maratona ġbir ta’ fondi. Mhux ta’ b’xejn l-għajta ċara tal-Partit Nazzjonalista… Gvern li falla. Gvern li falla f’kull qasam u aspetti, b’fallimenti li qed inħallsu għalihom jien u int u li se jħallsu għalih ukoll uliedna.

Pajjiżna jeħtieġ nifs politiku ġdid illum qabel għada. Huwa hawn li jidħol il-Partit Nazzjonalista. M’għandi l-ebda dubju li fil-Partit Nazzjonalista pajjiżna se jibqa’ jsib bastjun ta’ tama u viżjoni politika ċara.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 13 ta’ Marzu, 2025.