Opinjoni

OPINJONI: Id-Dejta Personali

Waħda mill-ħwejjeġ l-aktar prezzjużi li għandu l-individwu hi l-identità tiegħu
Hija din l-identità li – jekk irridu nkun preċiżi għall-aħħar – tagħmlek bniedem f’għajnejn il-liġi. Mingħajr karta tal-identità mintix bniedem f’għajnejn il-liġi, int biss bniedem fin-natura.

minn Mark A. Sammut Sassi

Qed ngħixu fi żminijiet koroh għall-politika. L-enerġija tal-pajjiż qed tinħela fil-gażibiet tal-Ministri u dawk ta’ madwarhom, flok ma tiġi ffukata fuq il-politika vera, fuq kif issir l-amministrazzjoni pubblika u titjieb ħajjet in-nies. Bilfors ikollna nikkonċentraw fuq il-ħniżrijiet ta’ min qed jitħanżer minflok ma naraw kif ħajjet in-nies tista’ titjieb.

B’danakollu, irridu nagħmlu sforz u ma ninsew qatt x’inhu l-veru skop tal-politika: li titjieb ħajjet in-nies. U titjieb mhux biss bit-tqassim taċ-ċejċi – taċ-ċekkijiet u taż-żidiet ċkejknin fil-pensjoni eċċ – imma wkoll bil-protezzjoni tal-jeddijiet taċ-ċittadini.

Id-dejta personali

Waħda mill-ħwejjeġ l-aktar prezzjużi li għandu l-individwu hi l-identità tiegħu. Miniex nirreferi għall-orjentament sesswali jew għan-nazzjonalità, jew karatteristiċi bħal dawn. Qed nirreferi għall-identità, jiġifieri l-isem u l-kunjom, l-indirizz, in-numru tal-karta tal-identità, u l-firma – dawk l-ingredjenti li lill-individwu jagħtuh wiċċ f’għajnejn il-liġi.

Il-wiċċ naturali jinbidel matul il-ħajja – jibda frisk u teneru u maż-żmien jixrief u jitkemmex, u jibdel surtu. Iżda l-wiċċ legali, dak jibqa’ – biss biss, jibqa’ n-numru tal-karta tal-identità, ukoll jekk aspetti oħrajn jaf jinbidlu. Xorta, iżda, il-kunjom li twelidt bih, bħall-karta tal-identità, jibqa’ miegħek għal għomrok kollu.

Hija din l-identità li – jekk irridu nkun preċiżi għall-aħħar – tagħmlek bniedem f’għajnejn il-liġi. Mingħajr karta tal-identità mintix bniedem f’għajnejn il-liġi, int biss bniedem fin-natura.

Ħudu bħala eżempju lill-migranti li jaqsmu l-baħar fuq id-dgħajjes… uħud fosthom ma jkollhomx dokument tal-identità (ġie li anki bi ħjiena) u allura huma biss bnedmin fin-natura. L-istess jgħodd għat-tarbija li għadha f’ġuf ommha: hi biss bniedem fin-natura, mhux ukoll bniedem f’għajnejn il-liġi.

Din l-identità – ismek, kunjomok, karta tal-identità, u firma – jagħtuk il-jedd ikollok kont il-bank, il-jedd taħdem u tirċievi paga, il-jedd tikseb l-għajnuniet soċjali (pensjoni, children’s allowance, eċċ), il-jedd li tixtri dar, li tiret, li tissellef mill-bank… Mingħajr din l-identità ma int xejn, f’għajnejn il-liġi.

Tkun biss bniedem fin-natura, bla jeddijiet. Il-jeddijiet tiegħek ġejjin mill-identità li jagħtik l-Istat. Int teżisti f’għajnejn il-liġi għax meta titwieled l-Istat jagħtik identità, li tmur lil hinn mill-identità tan-natura, għax hi l-identità f’għajnejn il-liġi. Din l-identità f’għajnejn il-liġi tissejjaħ ukoll ‘dejta personali’.

Serq tad-dejta personali

Tant l-identità li tagħtik il-liġi hi prezzjuża li hawn min jisraq id-dejta personali tan-nies biex jinqeda biha għall-iskopijiet tiegħu.

Min jisraq id-dejta personali jista’ jinqeda biha biex jużalek il-credit card, u jixtri bi flusek. Jista’ jinqeda biha biex jiftaħ kumpanniji li jkunu mdaħħlin f’negozju illeċitu jew illegali. Jista’ jinqeda biha biex jinħeba warajha u jwettaq ċertu tip ta’ reati.

Is-serq tad-dejta personali hu fenomenu reali u l-awtoritajiet ta’ spiss iwissu lill-pubbliku biex joqgħod b’għajnejh miftuħin ħalli ma jispiċċax vittma ta’ tali serq.

Ċerti kumpaniji f’Malta

U mbagħad issib is-sitwazzjoni f’Malta. Li teħtieġ l-attenzjoni tal-Istat imma l-politiċi mitlufin fil-ħela ta’ enerġija ġej mill-korruzzjoni u t-tħanżir, flok ma jiddedikawha għall-ħarsien tal-jeddijiet taċ-ċittadini.

Mela l-identità tal-individwu – id-dejta personali – hi prezzjuża u ta’ importanza bla qies. Jekk jisirqulek ismek, kunjomok, l-indirizz, in-numru tal-karta tal-identità, u l-firma, jistgħu jagħmlu li jridu bl-identità tiegħek… ikewsu huma imma jidher li kont int li kewwist. U jekk issir investigazzjoni trid toqgħod int tiżfen fin-nofs.

F’Malta hawn għadd ta’ kumpaniji li lill-klijenti joħorġulhom il-loyalty cards. Biex tieħu l-punti li tkun akkumulajt trid tagħtihom ismek, kunjomok, numru tat-telefon, indirizz, numru tal-karta tal-identità, u firma. Essenzjalment lil dal-kumpaniji tkun tajthom fuq platt tal-fidda d-dejta personali kollha tiegħek.

X’garanziji hemm li xi ħadd mill-impjegati tal-kumpanija ma jisraqlekx id-dejta personali? U fuq kollox, x’jeħtiġuha did-dejta kollha dal-kumpaniji, għal sempliċi loyalty card?

L-apparat tal-Istat – li suppost qiegħed taħt is-superviżjoni tal-politiċi – x’inhu jagħmel biex jara li l-jeddijiet taċ-ċittadini ma jkunux abbużati? U li ċ-ċittadini ma jkunux esposti għall-periklu li tinsterqilhom id-dejta personali u, fl-aħħar mill-aħħar, l-identità tagħhom f’għajnejn il-liġi?

Għaliex Malta għadha pajjiż primittiv, li fis-seklu 21 baqa’ ma daħal qatt?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 13 ta’ Marzu, 2025.