Opinjoni

OPINJONI: Tislima lil John Vella

Hija xorti mill-isbaħ li l-politika Maltija għandha u kellha fi ħdanha ġabra ta’ bnedmin uniċi. Persuni li lesti jiddibattu l-punt imma attenti fil-konfront tal-oħrajn, ma jaqbżux.

mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali

u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

  1. Fir-realtà storika l-Partit Nazzjonalista wkoll b’mod partikolari kellu għad-dispożizzjoni tiegħu din il-kwalità ta’ politiċi. Mhux neċessarjament protagonisti fuq skala nazzjonali.
    Dawk li jitkellmu fil-mass meetings jew li jindirizzaw il-Kamra tad-Deputati f’isem l-Oppożizzjoni jew l-Gvern. Imma protagonisti fit-tħaddim tal-politika tal-Partit u tal-pajjiż fuq skala lokali u diretta fid-diversi setturi li kienu jservu u jifhmu fihom.
    Bnedmin tal-poplu li jservuh u fl-istess ħin kapaċi jfehmu dak li oħrajn ma humiex.
    Esperjenza
  2. F’dan kelli x-xorti mmiss doppjament fl-esperjenza politika meta fl-1998 ġejt elett għall-ewwel darba. Esperjenzi li missejt ma’ ħafna politiċi sodi, stabbili u determinati. Jafu posthom u jafu li huma importanti fit-twettiq ta’ dmirijiethom.
    Bnedmin ta’ umiltà li ġarrbu personalment imma li ma kellhomx ambizzjonijiet jew vana glorji fihom. Iservu lill-kostitwenti tagħhom b’imħabba u lealtà. Kapaċi jieħdu deċiżjoni. Kapaċi jifhmu li huma parti minn ġabra ta’ bnedmin marbuta biex jwettqu proġett soċjali u ekonomiku fil-politika.
    Mhux għal rashom jew indipendenti qishom partit f’partit imma f’daqqa. Missejt mal-ħajja u d-dożi tal-għerf li kellhom. L-esperjenza tagħhom għaddewha lilna wkoll li konna ġenerazzjoni iżgħar minnhom.

Nista’ nixhed

  1. Kont narahom jaħdmu u jidħlu fil-ħidmiet parlamentari varji tagħhom. Dejjem preparati u tista’ tiddependi fuqhom mija fil-mija.
    Dejjem pjaċir tismagħhom jirrakkuntawlek jew jiggwidak. Iktar u iktar meta kien hemm f’dik il-leġiżlatura persuni li kellhom rabta kważi familjari ma’ xulxin u mal-Kap tal-Partit Eddie Fenech Adami.
    Kienu jagħrfu dak li għadda l-Partit u hu biex il-pajjiż seta’ jibdel il-folja tal-Ammnistrażżjoni fl-1987. Kien hemm rispett kbir mingħajr ma kien hemm xi forma ta’ kult tal-personalità li l-pajjiż kien ħiereġ minnu.
    Dan missejtu f’diversi politiċi li nista’ nixhed fuqhom. Dan missejt b’mod partikolari mat-Tabib John Vella. Bniedem li serva sew lill-kostitwenti tiegħu. Elett diversi drabi fil-Kamra. Kien fost dawk it-tobba ġenerużi li poġġew il-professjoni fil-ġenb biex resqu biex ikunu kandidati mal-Partit Nazzjonalista.

Ikkontesta

  1. Kien ikkontesta fl-1976 u mar tajjeb però fl-1981 f’dik l-elezzjoni mill-iktar komplikata huwa kien żied sew il-voti. Kien ġie koptjat fid-9 ta’ Mejju 1983 u minn hemm elett.
    Serva f’erba’ legiżlaturi l-iktar fil-bażi elettorali tal-Gżira. Il-post li kien jaf sew u li kien it-tabib ta’ diversi. Għalhekk meta dħalt sibtu fortunatament hemm.
    Kien fil-gentilezza kbira u ġenerożità daqshekk ieħor isegwi dak li kont niddeċiedi li nagħmel. Mhux darba jew tnejn kien jiddiskuti miegħi. Jafdani, jikkoreġini u jistmani. Ma kienx hemm differenzi ; it-tnejn fuq l-istess livell.
    Kien bniedem ta’ ideat, ta’ kultura u ta’ direzzjoni. Kapaċi jħares fit-tul u fl-istess ħin jagħraf il-pożizzjonijiet li kellhom jittieħdu. Jagħraf ikellem lil Eddie Fenech Adami b’rispett imma fl-istess ħin biex iżomm, jibdel xi proposta jew liġi li kienet ser taffettwa ħażin lill-poplu.
    Fil-Kamra
  2. Kien ikun preżenti fil-Kamra tad-Deputati. Jitkellem mal-ministri u mad-deputati taż-żewg naħat u jinfluenza tajjeb. Niftakru f’ħafna drabi jintervjeni waqt d-dibattiti dwar il-Baġit. Ħafna darbi kien ikun lejn l-aħħar tiegħu.
    Taraħ jitkellem b’imħabba u b’determinazzjoni u kważi dejjem bi tbissima. Jimmarka l-avvanzi tal-pajjiż u tal-Gvern mhux b’għamad politiku. Wisq anqas b’xi forma ta’ antogoniżmu għalkemm battuta kien b’pulitizza, intelliġenza u għerf jagħmel.
    Bħala Chairman tal-Kumitat kelli dan il-pjaċir u nassigura li rari ħafna xi ħadd mill-Oppożizzjoni kien jinterrompih jew b’xi mod iċekknu. Kien kapaċi jgħid li jrid mingħajr ma jweġġa’ lil ħadd. Eżempju għal dawk li jridu jitgħallmu jservu tajjeb fil-politika.

Fiċ-Ċina

  1. Kelli aktar din ix-xorti meta sibt ruħi f’delegazzjoni tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin fiċ-Ċina. Ma kontx membru imma l-Ministru Joe Borg kien issuġġerixxa li nieħu postu u hekk sar.
    Konna fi żjara mill-iktar interessanti f’dak il-pajjiż li nittamaw li jibqa’ forza ta’ stabbilità mondjali. Żjara li seħħet waqt l-attakk tat-Twin Towers u waqt li konna fil-belt ta’ Xi’an, anzi l-għada li konna morna naraw l-Armata tat-Terrakotta.
    Kelli iktar ħin biex nosservah u fl-istess ħin nitkellem miegħu. Stajt nara l-mod mill-iktar sabiħ li kien jitkellem mal-lum President Emeritu George Vella.
    Rispett reċiproku u għarfien li t-tnejn kienu persuni ta’ stoffa li politikament setgħu ma qablux imma fuq ħafna speċjalment fl-impenn għal min l-iktar huwa ’l isfel fis-soċjetà iva. L-importanza tal-ġustizzja soċjali kienet f’qalbhom it-tnejn. Tagħlim li kkoltivajt maż-żmien.

Lezzjonijiet

  1. Kien fil-linja diretta tiegħu jaħdem ma’ kulħadd. Ma kellux antagoniżmu fid-distrett u kien iżarma oħrajn li kienu differenti. Jagħraf il-mument meta jintervjeni.
    Kellu wkoll il-kwalità unika li ħafna drabi ser issibu bi tbissima fuq wiċċu. Tista’ tkellmu u tiżbalja jekk ma tkellmux. Kien jgħallmek pożittivament bil-komportament tiegħu.
    Aktar u aktar meta kien ikun hemm s-Sinjura tiegħu miegħu. Hija wkoll mimlija ġentilezza u tilqgħek b’ferħ. Kienu inseparabbli. Persuni li taw ħafna lill-bnedmin anki jekk mħux neċessarjament rikonoxxuti.
    Imma fil-fatt kont tmur fejn tmur fil-pajjiż u speċjalment fejn kienu jafuh, ħlief kliem ta tifħir u gratitudni ma kontx issib. Pajjiżna ċertament tilef raġel, deputat u wirt uniku.
    Waqt li nagħraf li jien debitur tiegħu mill-qalb insellimlu u nirringrazzjah ta’ dak kollu li wettaq.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 9 ta’ Marzu, 2025.