Lokali

Sewwieq isofri ġrieħi gravi wara inċident fiż-Żebbuġ, Għawdex

Il-Ħamis għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq ir-Rabat, iż-Żebbuġ, Għawdex.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li seħħet ħabta bejn double decker tat-tip Optare, li kien qed jinstaq min raġel ta’ 45 sena residenti x-Xewkija, u Toyota Vitz, misjuqa minn Eġizzjan ta’ 35 sena. Fid-double decker kien hemm ukoll erba’ passiġġieri barranin; żewġ nisa u żewġt irġiel li għandom fuq is-sebgħin sena.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu. Ambulanzi ħadu liż-żewġ xufiera kif ukoll l-erba’ passiġġieri li kienu fid-double decker, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-aktar kura.

Aktar tard, il-passiġġieri ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ta’ natura ħafifa, ix-xufier ta’ 45 sena ma sofra l-ebda ġrieħi filwaqt li l-Eġizzjan sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.