Lokali Qorti

Akkużat li aggredixxa lill-pulizija u li kkawża ħsarat ta’ €6,000 f’farmhouse

Turist ġie mixli li aggredixxa żewġ uffiċjali tal-pulizija u li kkawża ħsarat b’valur ta’ madwar €6,000 f’farmhouse fiż-Żurrieq. Il-Kanadiż David Roger Grima ta’ 33 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Il-Qorti semgħet kif fl-14 ta’ Frar, il-Pulizija rċeviet rapport dwar raġel li kien qed ikun aggressiv f’farmhouse fiż-Żurrieq li kien joqgħod fih. Grima, li kien qed jirremetti fir-residenza, sar aggressiv wara li wieħed minn dawk li kien preżenti ħatfu.

Meta l-Pulizija waslu fuq il-post, huwa beda jkisser l-affarijiet fir-residenza u jitfa’ oġġetti lejn l-uffiċjali tal-pulizija u jheddidhom. Il-pulizija kienu sfurzati jużaw it-taser biex jikkalmaw u jarrestaw lil Grima. Huwa ttieħed l-isptar Mater Dei, fejn ingħata l-kura, u ftit wara, ġie riferut lejn l-isptar Monte Carmelo, fejn dam residenti għal xahar.

Ladarba nħeles, il-Pulizija arrestat uffiċjalment lil Grima. Ma saret l-ebda talba għal pleġġ.

Il-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. L-Ispettur Wayne Bonello mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukat Yanika Bugeja dehret għall-akkużat.