Il-Gvern ta’ Robert Abela mhux biss inkonsistenti fil-politika tiegħu tad-difiża fl-Ewropa. Issa qed jinkixef ukoll kemm hu Gvern tal- kontradizzjonijiet fid-difiża anke f’pajjiżna.
Apparti l-U-turns ta’ Robert Abela tal-aħħar ġimgħat u xhur dwar id-difiża tal-Ewropa, fejn fi Brussell jgħid u jagħmel mod, u f’Malta jgħid u jagħmel mod ieħor, jispikkaw ukoll il-kontradizzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela f’dak li għandu x’jaqsam mal-infiq fuq id-difiża u s-sigurtà ta’ pajjiżna.
Għalkemm Abela u l-Ministru responsabbli mis-sigurtà ta’ pajjiżna Byron Camilleri jippruvaw jaħbu l-verità, il-fatti juru li n-nefqa allokata mill-Gvern għad-difiża ta’ Malta żdiedet f’dawn l-aħħar 12-il sena. U fuq livell tal-Unjoni Ewropea, fi Brussell Abela saħansitra qabel u vvota biex jiżdiedu l-fondi għad-difiża u għas-sigurtà tal-Ewropa, fid-dawl ta’ żviluppi internazzjonali.
L-istess Byron Camilleri fil-Parlament ikkonferma li l-Gvern qed iżid in-nefqa għad-difiża. Imma jekk wieħed jipprova jara x’għandu x’juri l-Gvern għal dawn il-flejjes, isib ma’ wiċċu apparat mitluq, żdingat u msaddad, qisu skart li nxteħet f’nofs għalqa.


Dawn huma l-fatti li ma jista’ jmerihom ħadd:
· Byron Camilleri stess fil-Parlament ikkonferma li n-nefqa fl-2014 kienet taqbeż it-€42 miljun u sas-sena 2023 qabżet is-€77 miljun. Fil-Budget għas-sena 2025 hu stmat li din l-ispiża taqbeż is-€86 miljun. Konferma li l-Gvern Laburista ripetutament żied in-nefqa.
· Il-ġimgħa li għaddiet Byron Camilleri – meta mistoqsi għal rendikont tad-difiża għall-attakki mill-ajru minn ajruplani, drones u missili – fil-Parlament stqarr li se jinxtara apparat ġdid u se jsir investiment “bla preċedent”, għalkemm baqa’ ma tax rendikont ta’ x’hemm preżentement. Fatt ieħor li juri li l-Gvern Laburista għandu l-ħsieb li jżid in-nefqa fuq l-armi.
· Nhar is-6 ta’ Marzu 2025, Robert Abela vvota f’Summit urġenti tal-mexxejja Ewropej favur €800 biljun mill-budget tal-Unjoni Ewropea bl-isem “ReArm Europe”, biex jiżdied il-budget għad-difiża fl-Ewropa.
Jgħid x’jgħid Abela, dawn huma l-fatti.
Il-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-investiment fil-Forzi Armati ta’ Malta għandu jibqa’ jissaħħaħ – sakemm ikun investiment serju u bi ħsieb għas-suldati u d-difiża ta’ pajjiżna. Li hu xokkanti hu li minkejja li n-nefqa fid-difiża ta’ pajjiżna żdiedet, it-titjib tal-kundizzjonijiet fl-Armata, u wisq anqas l-investiment, ma jidhru mkien.
Ir-ritratti mill-armerija tal-Forzi Armati mehmużin ma’ din l-istqarrija jikxfu li l-Gvern ma għamel xejn fejn jidħol investiment fid-difiża kontra xi attakk mill-ajru. Jidher li anke sistemi ta’ artillerija oħra, li sa ftit taż-żmien ilu kienu għadhom jiffunzjonaw – u li saħansitra membri tal-Forzi Armati ta’ Malta kienu jiġu mħarrġa regolarment fuqhom – illum spiċċaw fi stat ta’ abbandun totali.
Wieħed issa jifhem għalfejn Byron Camilleri staħa jagħti rendikont fil-Parlament tan-nefqa fuq id-difiża għall-attakki mill-ajru.
Il-Partit Nazzjonalista jikkonferma dak li ilu jisħaq li l-Gvern qatt ma kellu pjan ta’ difiża mill-ajru, imqar bażika u b’suldati mħarrġin sew għal dak li jista’ jinqala’. Għal darba oħra Byron Camilleri u Robert Abela qed ifallu lill-Maltin, għax qed ifallu fl-investiment fid-difiża u s-sigurtà ta’ pajjiżna li jissarraf f’serħan il-moħħ.
Dan in-nuqqas ta’ investiment qed iwassal ukoll għal konsegwenzi serji u irreparabbli fuq pajjiżna – kif ġara bis-serqa tad-droga mill-bażi militari tal-Armata ftit tal-ġimgħat ilu, liema droga, li anke l-ammont tagħha m’aħniex ċerti minnu, għadna ma nafux fejn qiegħda. U bħalma bqajna ma nafux fejn qegħdin iż-żewġ Marokkini li ħarbu minn ajruplan, ġrew tul il-mitjar u sal-lum għadhom ma nstabux. Żewġ fallimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Byron Camilleri.
In-nuqqasijiet fl-investiment fil-Forzi Armati ta’ Malta matul dawn l-aħħar snin wassal għall-kollass fil-kmand tal-Armata tagħna.
Minbarra l-istat ta’ telqa li tħalliet fiha l-artillerija tagħna, il-Partit Nazzjonalista diġà tkellem dwar is-sitwazzjoni inkwetanti fl-Air Wing u fil-Maritime Squadron, kif ukoll l-inġustizzji li qed iseħħu fl-Armata inġenerali.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Partit Nazzjonalista jtenni s-sejħa tiegħu għar-riżenja tal-Ministru responsabbli mill-Forzi Armati ta’ Malta, Byron Camilleri, li sal-lum għadu ma ġarrx ir-responsabbiltà politika għal dan kollu li qed jiġri fl-Armata.
Dment li Byron Camilleri se jibqa’ fil-kariga, se jibqa’ magħruf bħala simbolu ta’ insigurtà nazzjonali li issa assumew ir-responsabbiltà għan-nuqqasijiet tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern kollu.
Il-Gvern qed ifalli fis-sigurtà. Għan-nuqqasijiet f’dan il-qasam tant delikat, jinħtieġ li xi ħadd iġorr ir-responsabbiltà politika.
Dan kollu ħareġ fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Darren Carabott.
//= $special ?>