Sport

Elezzjoni għall-10 President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali

Ninsabu sitt ijiem bogħod mill-elezzjoni biex ikun magħżul l-10 President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. L-elezzjoni, li se ssir fl-20 ta’ Marzu, se sseħħ waqt il-144 Laqgħa tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali f’Costa Navarino, fid-distrett ta’ Pylos, filwaqt li ċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-144 sessjoni se ssir f’Olympia tal-Qedem, fil-Greċja.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, hemm seba’ kontestanti għall-kariga ta’ President fosthom kandidat mara, prince, iben Eks President Olimpiku u oħrajn mis-settur ta’ Federazzjonijiet internazzjonali. Is-seba’ kandidati huma l-Prinċep Feisal Al-Hussein tal-Ġordan; David Lappartient – Franza; Johan Eliasch – Żvezja/Renju Unit; Juan Antonio Samaranch – Spanja, Kirsty Coventry – Zimbabwe; Lord Sebastian Coe – Renju Unit; u Morinari Watanabe – Ġappun.

Għal din l-elezzjoni jistgħu jivvutaw biss b’mod sigriet il-membri tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u mhux il-pajjiżi membri fil-Moviment Olimpiku. Bħala proċedura l-President elett, l-għaxar wieħed mill-1896, ikun elett għal perjodu ta’ tmien snin rinnovabbli għal terminu ta’ wara, sakemm ma jinqalax xi ħaġa matul it-terminu li jwassal għal tmiem il-presidenza. Barra minn hekk, hemm ukoll il-fattur tal-età, li jista’ jwassal li President ikollu jirtira mill-kariga matul it-terminu.

Il-President il-ġdid tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali suċċessur ta’ Thomas Bach, jidħol fil-kariga fl-24 ta’ Ġunju 2025.