Lokali Qorti

Ġinekologu jitlef libell dwar aċċess mhux awtorizzat ta’ informazzjoni fuq eks pazjenta

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, iddeċidiet kontra konsulent ostetriku u ġinekologu li fetaħ kawża ta’ libell kontra wieħed mill-eks pazjenti tiegħu, u ddikjarat li d-dikjarazzjonijiet tagħha, għalkemm instabu li kienu malafamanti, saru f’okkażjoni privileġġjata u għalhekk protetti bil-liġi.

Karl Cutajar kien ressaq kawża ta’ libell kontra l-avukat Yanica Barbara Sant fuq kummenti li għamlet f’email lil uffiċjali għolja fil-Ministeru tas-Saħħa, ilment lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC), u sottomissjonijiet lill-istess awtorità.

Barbara Sant kienet tkellmet pubblikament wara li skopriet li kienet tħalliet garża f’żaqqha wara t-twelid tal-ewwel tarbija tagħha permezz ta’ ta’ ċesarja. Fl-2021 Barbara Sant, kienet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex taħt il-kura ta’ Cutajar, fejn kellha bżonn operazzjoni ta’ emerġenza wara li allegatament tħalla swab kirurġiku ġewwa lutru tagħha.

Wara hi spiċċat imħassba dwar l-aċċess kontinwu ta’ Cutajar għar-rekords mediċi tagħha minkejja li ma baqgħetx taħt il-kura tiegħu, u sostniet li dan kien jammonta għal ksur tad-drittijiet tagħha għall-protezzjoni tad-data.

Cutajar sostna li d-dikjarazzjonijiet li għamlet l-eks pazjenta tiegħu kienu malafamanti, mhux veri, u ta’ ħsara għar-reputazzjoni professjonali tiegħu. Huwa oġġezzjona b’mod partikolari għall-allegazzjonijiet fl-email li kien “abbuża mill-pożizzjoni tiegħu” u li kien aċċessa d-data personali tagħha “għall-gwadann personali tiegħu,” li hija ddeskriviet bħala “mhux etika, mhux professjonali, abbużiva u deplorevoli.”

Barbara Sant sostniet li l-komunikazzjonijiet saru in bona fede, bħala parti mid-dritt legali tagħha li tfittex investigazzjonijiet dwar dak li hi temmen li huwa aġir illegali, inkluż ksur tad-dritt tagħha għall-protezzjoni tad-data.

Saħqet li d-dikjarazzjonijiet tagħha ma sarux b’intenzjoni malizzjuża, iżda biex tqajjem tħassib serju mal-awtoritajiet rilevanti. Il-Qorti tal-Maġistrati, irrikonoxxiet li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni kienu tabilħaqq kapaċi jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Cutajar.

“L-akkuża li professjonist jeżerċita l-professjoni tiegħu minħabba nuqqas ta’ kompetenza u responsabbiltà jew għal motivi ta’ diżonestà jew abbuż ta’ pożizzjoni,” innotat il-Qorti, “hija bla dubju ta’ natura malafamanti.”

Madankollu, il-Qorti sabet li d-dikjarazzjonijiet saru f’kuntesti li kkwalifikaw bħala okkażjonijiet privileġġjati taħt l-Artikolu 7(1)(e) tal-Att dwar il-Midja u l-Malafama. Speċifikament, il-Qorti ddeċidiet li l-ilmenti li saru lill-IDPC u d-dokumenti ppreżentati bħala parti minn dik l-investigazzjoni kienu komunikazzjonijiet protetti.

Barra minn hekk, il-Qorti sostniet li d-dikjarazzjonijiet, għalkemm malafamanti, ma tawx lok għal responsabbiltà ċivili f’dan il-każ minħabba l-privileġġ mogħti lill-komunikazzjonijiet li saru biex ifittxu rimedju legali.

“Il-konvenuta kellha d-dritt li tesprimi ruħha billi tindika veritajiet sostanzjali dwar okkorrenzi importanti għaliha personalment u għall-familja tagħha,” qalet il-Qorti, b’referenza għad-drittijiet kostituzzjonali u umani tagħha.

Is-sentenza rrikonoxxiet ukoll l-esperjenza trawmatika li sofriet Barbara Sant, u nnutat li l-azzjonijiet tagħha ttieħdu fil-kors tat-tfittxija għal rimedju permezz ta’ mezzi legali u amministrattivi xierqa, mhux b’mod pubbliku jew imprudenti.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ libell ta’ Cutajar, u kkonkludiet li minkejja li r-reputazzjoni tiegħu kienet ġiet imtappna, il-liġi tipproteġi individwi li jressqu lmenti leġittimi in bona fede. Cutajar ġie ordnat ibati l-ispejjeż legali tal-kawża.

Sadanittant, b’mod separat f’Jannar li għadda, Cutajar falla wkoll fit-tentattiv tiegħu li jibda proċeduri kriminali kontra Barbara Sant u żewġha, Thomas. Huwa kien allega li għamlu dikjarazzjonijiet foloz u użaw dokumenti foloz f’ilment lill-Kunsill Mediku. Madankollu, kemm il-Qorti tal-Maġistrati kif ukoll il-Qorti Kriminali ma sabu l-ebda prova li tappoġġja dawn it-talbiet, u ċaħdu t-talba tiegħu għal investigazzjoni tal-Pulizija.

Il-Qrati ddeċidiet li l-koppja aġixxiet fuq parir qarrieqi mir-reġistratur tal-Kunsill Mediku, li kien informa b’mod żbaljat lil Barbara Sant li l-firma ta’ avukat kienet biżżejjed għall-ilment. Minħabba f’hekk, ma kien hemm l-ebda bażi għal azzjoni kriminali, u l-appell ta’ Cutajar ġie miċħud.